CARDONA: UMLI IŻDA B’SAĦĦITNA – One News

Notifiki

CARDONA: UMLI IŻDA B’SAĦĦITNA

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona, qal li l- umiltà hija parti mill-kobor tal-moviment li nbena madwar il-Partit Laburista. Għalkemm għamilha ċara li din ma tfissirx dgħjufija.

F’diskors fejn tkellem dwar il-kisbiet tal-moviment u kif fl-aħħar erba’ snin kienu mmarkat bil-kelma suċċess, Cardona tkellem dwar is-suċċess ekonomiku. “Wettaqna dak li ħafna qed jiddeskrivu bħala l-miraklu ekonomiku Malti. Mhux biss kellna l-ewwel upgrade mill-aġenziji ta’ kreditu f’20 sena, imma b’mod konsistenti rreġistrajna tkabbir ekonomiku li jiżboq kull aspettativa’,” qal Cardona li huwa wkoll Ministru tal-Ekonomija, għalkemm żied li s-suċċess ta’ dan il-pajjiż m’huwiex limitat għal ekonomija u l-finanzi.

Cardona fisser kif l-umiltà hija meta tirrikonoxxi fejn tkun wettaqt żball u tindirizzah. “L-umiltà li fejn hemm ikun hemm bżonn tbiddel id-direzzjoni tiegħek,” qal Cardona li tkellem kif ix-xhur li ġejjin, issa li l-gvern qiegħed fl-aħħar sena tiegħu, mistennija jkunu wkoll xhur ta’ attakki.

“Mill-Gvern tajna l-aqwa eżempju ta’ x’inhi l-umiltà, imma dan ma jfissirx li għandna nċedu għal attakki vendikattivi, il-gideb u l-ipokreziji tal-Partit Nazzjonalista,” qal Chris Cardona li din kienet l-ewwel Konferenza Ġenerali Annwali tiegħu bħala Deputat Mexxej.

“Iż-żmien li se jwassalna għal elezzjoni ġenerali mhux se jkun żmien faċli. Mhux għaliex il-pajjiż għandu Partit fl-Oppożizzjoni b’saħħtu, imma għaliex il-pajjiż għandu Partit fl-Oppożizzjoni li huwa perikoluż, vendikattiv u daharu mal-ħajt,” qal Cardona li tenna kif il-poplu huwa ferm aktar intelliġenti minn min qiegħed imexxi l-Partit Nazzjonalista.

“Ejja nkomplu nikkonvinċu aktar nies li dan il-periklu, li jismu Partit Nazzjonalista, jista’ ikun biss evitat bil-Partit Laburista fil-Gvern. Ejja nkunu ċari dan il-gvern ħaqqu jerġa’ jkun fdat mit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż,” qal Cardona li l-Gvern irid ikompli jwettaq il-mandat elettorali li ngħata favur soċjetà aktar ġusta li tgħin lil kulħadd u li taħdem biex kulħadd jimxi ‘l quddiem.

Cardona qal li l-Partit Laburista mill-gvern se jkompli jaħdem “għal aktar opportunitajiet, ġid, prosperita’ u b’għaqal nassiguraw li jgawdi minnu kulħadd.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend