Inqas abbuż fl-istaġun tal-kaċċa – One News

Notifiki

Inqas abbuż fl-istaġun tal-kaċċa

  • L-FKNK SE TLAQQA’ L-MEMBRI TAGĦHA WARA STUDJI XJENTIFIĊI DWAR IL-KAĊĊA GĦALL-GAMIEMA

L-istaġun tal-kaċċa għas-summien li għalaq proprju nhar il-Ġimgħa l-Kbira kien pjuttost wieħed fqir, fejn l-ammont ta’ summien maqbud kien ilaħħaq biss il-130, dan hekk kif il-kaċċaturi kienu obbligati li javżaw il-Wild Birds Regulation Unit – WBRU għal kull għasfur maqbud.

Il-Kap tal-WBRU Sergei Golovkin qal li fl-ewwel nofs tal-istaġun bilkemm deher summien filwaqt li dan beda jidher xi ftit iżjed matul l-aħħar ġimgħa tal-istaġun. Apparti n-nuqqas ta’ summien li ġie lejn pajjiżna matul l-aħħar ġimgħat, fatt ieħor li wassal biex inqabad ftit summien kien li l-ammont ta’ kaċċaturi li fil-verità ħarġu għall-kaċċa kien ftit ukoll hekk kif mis-6,553 liċenzja speċjali li nħarġu kienu madwar 1,000 kaċċatur biss li ħarġu jikkaċċjaw għas-summiena. Dan konsegwenza tan-nuqqas ta’ interess min-naħa tal-kaċċaturi għaliex din is-sena ma setgħux jikkaċċjaw għall-gamiema minħabba moratorium li kienet proponiet l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti s-sena li għaddiet.

Dan il-moratorium kien ġie impost fid-dawl tal-qagħda vulnerabbli tal-gamiema fl-Ewropa fejn bħalissa qed isiru studji speċjali fuq il-migrazzjoni ta’ din it-tajra biex eventwalment minn dawn l-istudji jkun magħruf il-futur tal-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa. Dawn l-istudji qed isiru fuq livell Ewropew fejn skond Golovkin il-Gvern Malti qed jagħti s-sehem sħiħ tiegħu filwaqt li qed iħeġġeġ pajjiżi oħra sabiex jagħmlu dan. Fid-dawl ta’ dan il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia qal li fil-jiem li ġejjin il-Federazzjoni ser tkun qed tlaqqa’ l-membri tagħha sabiex itarrafhom dwar il-progress ta’ dawn l-istudji u kif ukoll tipproponi l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema mill-ġdid. Dan fuq materja xjentifika u fattwali.

Il-Kap ta’ WBRU qal ukoll li l-għadd ta’ illegalitajiet irrappurtati f’dan l-istaġun kien ta’ 13-il tajra feruta li huwa meqjus bħala ammont baxx ħafna meta mqabbel ma’ staġuni ta’ snin preċedenti, fejn normalment l-illegalitajiet irrappurtati kienu jlaħħqu l-mijiet. Fuq wieħed minn dawn il-każijiet hemm persuna li qed tiġi investigata u mistennija titressaq il-Qorti fiż-żmien li ġej.

Golovkin jinnota wkoll il-progress kbir u drastiku li kien hemm min-naħa tal-komunità tal-kaċċaturi f’dawn l-aħħar snin fir-rigward ta’ illegalitajiet, fejn l-għaqdiet tal-kaċċaturi qed jikkoperaw bis-sħiħ biex jonqsu dawn l-illegalitajiet, dan anke fid-dawl li l-pieni fuq kaċċa illegali ħraxu bil-bosta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK qal ukoll li waħda mir-raġunijiet li ma tantx inqabad summien kien minħabba l-ftuħ kmieni ta’ dan l-istaġun, fejn l-FKNK kienet proponiet li dan jinfetaħ mill-10 ta’ April sal-aħħar ta’ April.

Min-naħa l-oħra Nicholas Barbara għall-Birdlife Malta qal li f’dan l-istaġun ġew irrappurtati għadd ta’ illegalitajiet ikbar minn tal-aħħar sentejn fejn huwa qal li nstabu madwar 15-il tajra protetta feruta madwar il-kampanja. Rigward il-moratorium fuq il-kaċċa għall-gamiema, Barbara qal lill-ispeċi tal-gamiema qiegħda mhedda u għalhekk il-kaċċa għall-gamiema fir-rebbiegħa ma tistax terġa’ tiftaħ. Minkejja li rrikonoxxa l-fatt li f’dawn l-aħħar snin żdiedet il-ħidma fost il-kaċċaturi biex jonqsu l-illegalitajiet, huwa qal li Birdlife Malta tixtieq tara iżjed kundanni min-naħa tal-għaqdiet tal-kaċċaturi fir-rigward ta’ kaċċa illegali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend