It-tmexxija tal-Bank ta’ Żvilupp se tinħatar b’konsultazzjoni – One News

Notifiki

It-tmexxija tal-Bank ta’ Żvilupp se tinħatar b’konsultazzjoni

Ic-chairman tal-Bord tal-Bank Malti ta’ Żvilupp u tal-bord ta’ supervizjoni tiegħu se jinħatru wara konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru Louis Grech meta għalaq id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jwaqqaf dan il-bank. Huwa qal li l-gvern ħass li għandu jagħmel din il-proposta minkejja li mhix l-użanza, anzi kważi qatt ma kienet prassi speċjalment fil-każ ta’ bordijiet ta’ entitajiet kummerċjali.

Id-Deputat Prim Ministur qal ukoll li se jipproponi numru ta’ emendi biex id-diretturi indipendenti jkollhom aktar saħħa.

Tenna li l-kunsens dwar dan il-bank jikkonferma kemm il-gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jivvalutaw l-importanza tiegħu bħala għodda neċessarja u se jkun parti mill-programm ta’ ristrutturar u titjib.

Huwa qal li l-ħolqien ta’ dan il-bank mill-gvern se jkun pass deċiżiv fundamentali li tkompli tiddefinixxi is-settur finanzjarju, speċjalment l-aċċess għall-fondi.

Il-Deputat Prim Ministru qal li l-indipendenza tal-bordijiet tal-bank hija assigurata permezz ta’ diversi provvedimenti fl-abbozz. Tliet persuni maħtura fil-bord iridu jkunu persuni ta’ kompetenza għolja fis-setturi ekonomiċi u finanzjarji. Il-gvern qed jipprovdi li żewġ diretturi, li għalkemm jinħatru mill-Ministru, dan jagħmlu wara li jitlob pariri mill-MCESD.

Tlieta minn sitt membri tal-bord ta’ supervizjoni se jkunu minn entitajiet awtonomi waqt li tnejn mit-tlieta l-oħra li jinħatru mill-gvern iridu jkunu professjonisti indipendenti. Sabiex isaħħaħ l-indipendenza tagħhom, il-membri taż-żewġ bordijiet qed jingħataw sikurezza fil-ħatra għal perijodu fiss.

Id-deputat prim ministru qal li biex żgur inaqqas l-iskop għal spekulazzjoni, se jressaq emenda li l-bank ma jagħmilx self dirett lil “politically exposed persons” jew lil membri immedjati tal-familja tagħhom jew lil dawk qrib tagħhom.

Il-gvern se jipprovdi wkoll li r-rapport annwali u l-istqarrijiet finanzjarji tal-bank jitgpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.

Aktar kmieni, l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-bank huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiż għax jimla’ vojt fejn banek kummerċjali mhumiex daqstant ħerqana li jgħinu proġetti infrastrutturali, tax-xjenza, proġetti tekniċi, ta’ industrijalizzazzjoni għax dawn fejn jaraw riskju jevitaw li jsellfu. Il-bank se jgħin ukoll lill-intrapriżi ż-żgħar.

Il-Ministru Scicluna qal li huwa importanti ħafna li l-Bank Malti ta’ Żvilupp jara li kull proġett li japprova jkun sostenibbli u joqgħod ’il bogħod minn proġetti li ma jirrendux. Kull proġett approvat irid ikun tajjeb biżżejjed biex iħallas lura dak li jkun issellef b’rata modesta mingħajr tqanżih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend