Fil-Forti Sant’Anġlu, jgħidu li tidher ‘is-Sinjura l-Griża’ – One News

Notifiki

Fil-Forti Sant’Anġlu, jgħidu li tidher ‘is-Sinjura l-Griża’

Wara li s-sieħba tal-Kastellan de Nava heddet li tikxef ir-relazzjoni sigrieta tagħhom, hi nqatlet u ndifnet f’wieħed mill-ħitan tal-Forti Sant’Anġlu. Jingħad li s-Sinjura l-Griża bdiet tidher f’dan il-forti … sal-lum.

Wara l-interess qawwi li ntwera fis-sensiela ‘Dark Tales’, Heritage Malta se torganizza attività oħra simili bbażata fuq misteri u stejjer sopranaturali marbuta mal-Forti Sant’Anġlu. Minbarra li hu ġawhra fl-istorja kulturali ta’ Malta, dan il-forti għandu ħafna misteri u leġġendi marbuta mal-istorja twila tiegħu.

Il-leġġenda tas-Sinjura l-Griża, l-isparar tal-irjus tas-suldati Ottomani mill-Forti Sant’Anġlu waqt l-Assedju l-Kbir fl-1565, u l-istorja ta’ Fra Giovanni Francesco di San Clement, li huwa l-uniku kavallier maghruf li nqatel fil-forti wara li ngħata s-sentenza tal-mewt, huma fost l-istejjer li se jkunu animati waqt l-attività ta’ Stejjer tal-Waħx fil-Forti Sant’Anġlu.

Din l-attività se ssir nhar il-Ġimgħa 28 t’April bejn is-19.30 u l-22.00. Stejjer tal-Waħx fil-Forti Sant’Anġlu se tkun miftuħa għal numru limitat ta’ viżitaturi u dawk li se jattendu iridu jkunu minn 16-il sena ‘il fuq. Il-biljetti għall-prezz ta’ €15 għall-adulti u €12 għall-membri ta’ Heritage Malta, anzjani u studenti, jistgħu jinxtraw online, http://shop.heritagemalta.org, jew mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta.

Min jixtieq iktar tagħrif, jista’ jċempel fuq 2295 4242.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend