Oġġezzjoni għal mistoqsija dwar nies b’diżabilità – One News

Notifiki

Oġġezzjoni għal mistoqsija dwar nies b’diżabilità

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ilbieraħ filgħaxija oġġezzjona għal mistoqsija Parlamentari magħmula mid-Deputat Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco lill-Ministri kollha dwar kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fid-Dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Il-Professur Scicluna iddeskriva l-mistoqsija bħala “insensittiva u politikament skorretta”. Huwa ma kienx lest jidentifika kemm hemm persuni b’diżabilità f’kull qasam.

De Marco qal li l-mistoqsija mhux politikament skorretta għax saret biex l-Oppożizzjoni tagħmel skrutinju fuq il-Gvern biex tara li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess ugwali .

Il-Ministru qal li jekk il-mistoqsija ssir fis-sens ta’ jekk intlaħaqx mill-Ministeru l-livell legali ta’ 2§ ta’ persuni b’diżabilità, allura huwa jweġibha.

Robert Cutajar, deputat tal-Partit Nazzjonalista, staqsa lill-Ministru jekk fil-billboard li kien jgħid li elf persuna b’diżabilià sabu xogħol itteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li kien hemm min bidel ix-xogħol darbtejn jew tlieta u dawn ġew maduda bħala nies ġodda li daħlu fis-suq tax-xogħol. Huwa allega li l-figura kienet ferm inqas minn elf.

Il-Ministru għat-Transport Joe Mizzi qal li Cutajar kien insensittiv meta fl-imgħoddi qamet il-kwistjoni tal-iscooters  ta’ persuni b’diżabilità fuq il-karozzi tal-linja. Il-Gvern kien qed jimxi ma’ direttivi li fuqhom kien intlaħaq ftehim bejn l-operatur ta’ qabel u l-Gvern Nazzjonalista. “Cutajar jaf li hemm periklu kbir jekk ċerti scooters jittgħellu fuq il-karozzi tal-linja,” qal dan il-Ministru.

Ċensu Galea staqsa jekk il-Gvern fost il-ħaddierma tiegħu hemmx il-kwota ta’ 2% li huma persuni b’diżabilità. “Jekk le, id-dipartiment qed jintalbu jħallsu l-penali?” staqsa dan Galea.

Il-Ministru għall-Familja Michael Farrugia, bħal Ministri oħra, qal li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. It-tweġiba wasslet lil Ryan Callus jistaqsi jekk jafx li l-mistoqsija saret fil-11 ta’ Jannar.

Dr Farrugia wieġeb li fl-amministrazzjoni l-oħra, għaddew ħames snin u ċerti mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni Laburista baqgħu ma twieġbu qatt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend