“Miġruħ minħabba fi dnubietna” – One News

Notifiki

“Miġruħ minħabba fi dnubietna”

Hekk qal il-profeta Iżaija fuq Sidna Ġesu’ Kristu.  U hekk jismgħa r-rappreżentazzjoni li l-Propera Avgesco Drama Group tal-Ħamrun ser ikun qed itella’ din is-sena fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Din hija r-raba’ rappreżentazzjoni ħajja li ser ikun qed jorganizza dan il-grupp bis-sehem sħiħ tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, fejn għaldarba oħra iz-zuntier tal-parroċċa San Gejtanu ser jinbidel fil-belt ta’ Ġerusalem, biex twassal lil dawk preżenti l-ġrajja ta’ din l-akbar imħabba.

Din is-sena ser tkun rappreżentazzjoni b’differenza, fejn il-ġrajja ser tkun imwassla permezz ta’ monologi, minn sitt persunaġġi mportanti f’ħajjet Ġesu’ Kristu.  Dawn huma Ġwanni, Pietru, Ġuda, Veronika, ommu Marija u Magdala.  Kull monologu ser jmexxina minn mument għal ieħor, mid-dħul ta’ Ġesu’ f’Ġerusalem, għall-aħħar ċena, għaċ-ċaħda ta’ Pietru u id-disprament ta’ Ġuda.  Ma tonqosx il-mixja sal-mewt tas-salib fejn hawn naraw laqgħa mqanqla bejn Ġesu’ u Veronika.  Il-qofol jintlaħaq meta minfuq is-salib Ġesù jafer lil kulħadd u ftit wara naraw lil dik l-omm li b’qalb maqsuma, tirċievi f’ħoġorha lil binha bla ħajja, u wara dawn l-aħħar ħsibijiet ta’ Magdala.

Fost l-ammont sabiħ ta’ atturi mill-Ħamrun li ser jimlew ix-xeni ppreparati, nsibu fil-partijiet prinċipali lil Jonathan Azzopardi, John Suda, Dorian Micallef, Marie-Clare Sammut, Tanya Agius Borg, Christine Buttigieg u James Attard fil-parti ta’ Kristu.  Bħala kitba hija dik li ħarġet mill-pinna ta’ Renzo Bonello fejn m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fejn jidħlu kitbiet relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa.  Spunt differenti mis-snin ta’ qabel huwa li parti mużikali ser tkun imwassla live permezz tal-University of Malta, Junior College Orchestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Manuel Pirotta.

Miġruħ minħabba fi dnubietna, nhar is-Sibt 8 ta’ April fit-8.30pm fuq iz-zuntier tal-parroċċa San Gejtanu l-Ħamrun.  Din ir-rappreżentazzjoni hija bla ħlas però kull donazzjoni hija apprezzata.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend