Notifiki

“Manoel Island m’għandux ikun tal-ftit iżda għandu jsir Park Nazzjonali li jitgawda minn kulħadd”

“Manoel Island m’għandux ikun il-post ta’ dawk il-ftit iżda għandu jsir Park Nazzjonali li jitgawda minn kulħadd” Hekk sostna l-attivist Andre Callus waqt konferenza li ttellgħet flimkien mas-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche u għadd ta’ attivisti oħrajn quddiem Manoel Island. Dan fid-dawl li Manoel Island riċentament issemma’ f’nofs kontroversja, hekk kif il-kumpanija MIDI li tamministra l-post ħarġet b’masterplan biex jikkumerċjalizza l-forti u l-Lazzarett.

L-attivist Andre Callus, minn Moviment Graffiti, qal li l-battalja u l-pressjoni li għamlu n-nies is-sajf li għadda ħadmet, dan hekk kif in-nies setgħu jerġgħu jiskopru is-sbuħija ta’ Manoel Island wara li sar l-aċċess kuljum tul il-jum.

Hu qal li qed naffaċċjaw theddida kbira bil-pjanijiet li ħejjew il-MIDI, dan għax fost l-oħrajn jinkludu t-tibdil ta’ Forti Manoel f’lukanda lussuża, fejn minħabba f’hekk dan il-wirt storiku se jkun qed jitgawda minn ftit persuni li lesti jħallsu.

Spjega kif il-masterplan li għandhom imħejji l-MIDI m’hu xejn ħlief proposta totalment ikkummerċjalizzata. Callus qal li Manoel Island m’għandux ikun il-post għal dawk il-ftit persuni iżda għandu jkun Park Nazzjonali li jitgawda minn kulħadd.

Is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche qal li inutli li wieħed ikollu l-aċċess dan għax irid ikun hemm post ta’ żvog. Sostna li din id-darba l-MIDI sabu għadma iebsa  u li “l-isfreġju” li sar f’Tigne mhux se jerġa’ jirrepeti ruħu f’Manoel Island.

“Qed iħallu ż-żmien jgħaddi biex l-istrutturi jċedu u wara ma jkollhomx min iżommhom milli jiżviluppaw?” staqsa dan is-Sindku tal-Gżira. Hu kompla billi qal kif kwalunkwe żvilupp hu rriversibbli.

Temm jgħid li mingħajr l-appoġġ tal-poplu ma konniex naslu s’hawn fejn appella biex dan l-appoġġ jissokta.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche mill-Kunsill Lokali tal-Gżira flimkien ma’ attivisti minn Kamp Emerġenza Ambjent u l-organizzazzjoni Friends of Manoel Island.

Ftit tal-jiem ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel dikjarazzjoni ċara u esprima l-appoġġ lis-Sindku tal-Gżira, li qed jopponi l-proposti tal-iżilippaturi MIDI.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend