Id-dramm tal-passjoni għal sena oħra f’Bormla – One News

Notifiki

Id-dramm tal-passjoni għal sena oħra f’Bormla

‘Sa mill-ewwel passi ta’ tfuliti niftakar lil missieri li kien ferħan bija, anki b’ ħija. Sa minn ċkuniti kont immur ma’  missieri fuq il-baħar għax dak kien l-uniku għejxien tagħna. Imbagħad bdejt nikber u bdejt infendi għall- rasi.  Id-dinja u ta’ madwarna ftit skoprejtha. Sakemm darba fost l-oħrajn kien jum mhux bħall-oħrajn. Fil-bogħod rajt dija bħal tax-xemx illi għoddha kemmxitli għajnejja. Sa mill-ewwel passi ta’ tfuliti qatt ma rajt daqshekk bjudija. Lanqas biss kelli l-ħila nżomm għajnejja miftuħin. Staqsejt bejni u bejn il-kuxjenza tiegħi jekk kontx qiegħed noħlom! Imma noħlom ma kontx.’
 Dan huwa l-bidu tad-Dramm tal-Passjoni, li ċ-‘Ċentru 19 ta’ Novembru 1944′ ta’ Bormla se jkun qed itella’ f’dawn il-ġranet tal-Għid. Dan ser ikun organizzat għat-tmien sena konsekuttiva u li din is-sena iġib l-isem ta’ ‘Iż-Żgħir ta’ Żebedew’. Dan id-dramm għad li jiffoka fuq il-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu, se jkun kemm xejn differenti għall-fatt li ser naraw lil Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, jirrakkonta dak li gara u jeħodna lura għal żmien Kristu. Id-dramm ser ikun fuq palk miftuħ. B’hekk dawk kollha li ser jieħdu sehem ser ikunu huma l-protagonisti li jarmaw l-armar kollu ta’ fuq il-palk. Apparti ħafna grajjiet li jissemmew fil-Bibbja mill-ħajja ta’ Kristu, ser inkunu qed naraw il-komplott u l-mod kif il-Qassisin irnexxilhom jikkonvinċu lil Guda l-Iskarjota biex dan jitradixxi lil Kristu. F’dan id-dramm ukoll, ser naraw aspetti differenti fil-ħajja ta’ Kristu. L-idea ġenerali minn dak li naqraw fil-Bibbja hija li Gesu’ kien serju u rett. Forsi ħafna ninsew li kien uman ukoll. F’dan id-dramm ser ikunu qed naraw dan l-aspett b’mod partikulari fit-tieg ta’ Kana.

Id-dramm ser isir is-Sibt 8 t’April fis-7.30pm u l-Ħadd 9 t’April fis-6.00pm fis-Sala tal-Kullegg De La Salle, Kottonera. Dawk kollha li jridu jirriservaw post fis-Sala jistgħu jagħmlu dan fuq 79308900 jew 99120205. Id-dħul isir b’Donazzjoni ta’ €7.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend