Riżultati li nkisbu frott deċiżjonijiet li ttieħdu – One News

Riżultati li nkisbu frott deċiżjonijiet li ttieħdu

Malta eliminat għal kollox id-defiċit finanzjarju fl-istess waqt li bdiet timplimenta għall-ewwel darba għadd ta’ miżuri soċjali mingħajr preċedent.

Miżuri maħsuba biex joħolqu soċjetà iktar ġusta u li għalihom il-gvern investa miljuni ta’ ewro. Miljuni kbar ta’ ewro li raw liċ-ċittadin moqdi aħjar, b’iktar flus fil-but u għalhekk jgħix ħajja iktar kuntenta.

Fost il-miżuri l-kbar hemm dawk imwiegħda qabel l-elezzjoni ġenerali. Bħar-roħs fil-kontijiet tal-enerġija. Fis-sena, tmenin miljun ewro tħallew fil-bwiet tal-familji u n-negozji.

Pajjiżna daħħal ukoll il-miżura ta’ child care b’xejn. Dawk li jaħdmu u għandhom l-ulied taħt it-tliet snin illum jibagħtu lil uliedhom f’ċentri tal-ħarsien ta’ tfal mingħajr ma jħallsu ċenteżmu. Il-gvern jinvesti għal dan miljun ewro fix-xahar.

Żdiedu wkoll għal darba tnejn il-pensjonijiet. Wara snin twal iffriżati, iċ-ċekkijiet tal-anzjani kull l-aħħar tax-xahar raw żieda li mhijiex sempliċiment dik għall-għoli tal-ħajja.

Filwaqt li tnieda l-proġett Soċejtà Ġusta bil-ftuħ ta’ djar residenzjali fil-komunità għal persuni b’diżabbiltà.

Il-gvern introduċa wkoll l-in work benefit. Għotjiet kull sena lil familji bi dħul baxx li saħansitra jistgħu ilaħħqu l-€1,200 għal kull wild.  Intefqu miljuni ta’ ewro li qabel kienu jibqgħu fil-kaxxa ta’ Malta, iżda d-defiċit kien eliminat xorta waħda.

Fl-istess ħin iddaħlet is-sistema tat-tapering tal-benefiċċji. Persuni fuq il-benefiċċji baqgħu jieħdu għotjiet għal numru ta’ snin minkejja li jkunu sabu impjieg. Hawn ukoll il-gvern nefaq il-miljuni. Iżda, minkejja dan id-defiċit kien eliminat.

Dan il-gvern neħħa t-taxxa minn fuq il-paga minima u naqqas ukoll it-taxxa tad-dħul għal sena wara oħra. Nieda wkoll miżuri li ħallew miljuni fi bwiet il-familji bħal dik tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-boll għal first time buyers.

Qed iħallas ukoll miljuni lil dawk li kienu nsterqu fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista bi ħlas ta’ taxxa żejda fuq il-karozzi.

Fl-istess ħin ma qgħadx lura lanqas milli jinvesti fl-iktar oqsma importanti. Is-saħħa, fejn b’investiment ta’ miljuni ta’ ewro, elimina l-mediċina tal-out of stock u żied is-sodod f’Mater Dei. Żdiedu wkoll mediċini ġodda fuq il-formolarju tal-gvern.

Fl-edukazzjoni rajna jinfetħu skejjel ġodda, kienu impjegati iktar għalliema u l-LSAS u żdiedu l-miljuni tal-ewro investiti. Dan fl-istess ħin li twettqu wegħdi bħal dak tat-tablet għat-tfal tar-raba’ sena. Kollox jiswa l-flus, iżda fl-istess ħin il-gvern elimina għal kollox id-defiċit. Saħansitra issa jista’ jitkellem dwar surplus.

Forsi din hija lista li sa ftit tas-snin ilu kien hawn min jara impossibbli, iżda llum saret normalità.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend