Inqas inċident fuq il-post tax-xogħol – One News

Notifiki

Inqas inċident fuq il-post tax-xogħol

  • REGOLI ĠODDA GĦAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI DIN IS-SENA

Filwaqt li Malta qed tesperjenza żieda fin-nies li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol qed jiġi nnutat tnaqqis fl-ammont ta’ ħaddiema li għal xi raġuni jew oħra jisfaw vittmi ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

Dawn il-fatti ġew maħruġa mir-rapport annwali tal-2016 mill-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol dwar il-qagħda ta’ inċidenti relatati fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll il-passi li jittieħdu f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, meta 12-il sena ilu l-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full u part time kienu jammontaw għal 169,511 u r-rata ta’ inċidenti f’dik is-sena kienet ta’ 4,936, l-2016 esperjenzat mhux biss rekord ta’ nies jaħdmu li jlaħħqu l-240,154 iżda ġiet irreġistrata l-inqas rata ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin, preċiżament 3,028 każ.

Mill-2002 sas-sena li għaddiet is-setturi kollha raw tnaqqis u anke jekk is-settur tal-kostruzzjoni baqa’ l-aktar wieħed prekarju fejn impjiegi marbutin ma’ trasport, manifattura, akkomodazzjoni u bejgħ tal-prodotti, f’dawn l-aħħar tliet snin naqsu b’mod sostanzjali.

Minkejja li bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet seħħew seba’ inċidenti fatali fuq postijiet tax-xogħol differenti, il-każijiet kollha ġew suġġetti għal inkjesta maġisterjali u investigazzjoni tal-istess Awtorità.

Qed jiġi assigurat ukoll li s-sidien ta’ postijiet tax-xogħol differenti jinżammu responsabbli speċjalment jekk ikun hemm suspett li kellhom tort dirett meta jweġġa’ ħaddiem partikolari. Permezz ta’ impożizzjoni ta’ multi immedjati, is-sena l-oħra nħarġu 361 multa li b’kollox jammontaw għal €152,000 li minnhom kienu mħallsa €112,500. Madankollu, l-Awtorità tippermetti li dawn il-multi ma jitħallsux kollha f’daqqa.

F’kummenti mal-gazzetta KullĦadd, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Mark Gauci enfasizza li l-promozzjoni tas-saħħa u sigurtà hija prijorità flimkien mal-infurzar tal-liġi.

“L-Awtorità ma tiħux gost li timmulta lil dak li jkun jew li ttella’ lil persuna l-Qorti però meta ssib kumpaniji, employers jew saħansitra ħaddiema li ma jridux jisimgħu, li tibqa’ tinfurmahom u tedukahom u xorta jibqgħu jagħmlu li jiġihom f’moħħhom, hemmhekk l-Awtorità ma jkollhiex triq oħra ħlief li tieħu passi skont il-liġi,” qal Gauci.

Fisser elementi kruċjali f’ħidmet l-OHSA. “Kull ilment li tirċievi, l-OHSA tinvestiga biex tara li tkun qed tiġi osservata l-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà. Tajjeb illi nfakkru li l-liġi għandha definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ x’inhu post tax-xogħol. Il-post tax-xogħol mhux post ta’ kostruzzjoni biss, mhumiex il-barrieri, mhumiex ċerti postijiet li tradizzjonalment nassoċċjawhom ma’ perikli. Imma l-post tax-xogħol huwa kwalunkwe post fejn ikun qed isir xi forma ta’ xogħol minn ħaddiem,” spjega Gauci li fisser kif dan jinkludi uffiċċji, sptarijiet, jinkludi kliniċi u skejjel, fost oħrajn.

Fisser kif matul iż-żmien ikunu identifikati setturi jew oqsma partikolari li jkunu assoċjati jew ma’ periklu partikolari jew inkella jkun jimmeritahom ċerta attenzjoni. “Is-sena li għaddiet l-Awtorità daret l-uffiċini tal-kumpaniji li huma involuti fl-igaming, daret l-uffiċini fejn isir xogħol relatati mal-kumpaniji tal-insurance. Dorna l-istamperiji ta’ Malta u Għawdex kif ukoll dorna l-barrieri.

Dawn huma apparti l-ispezzjonijiet ta’ rutina li tagħmel l-Awtorità permezz tal-uffiċjali tagħha f’postijiet tax-xogħol li huma tradizzjonalment assoċjati ma’ perikli, fosthom is-settur tal-kostruzzjoni, it-tarznari u postijiet tax-xogħol oħra li kif għidt huma assoċjati ma’ perikli partikolari,” spjega Gauci li fakkar kif saru wkoll bidliet fil-liġijiet.

“Kien hemm bidliet fil-liġi li tirregola l-apparat fuq il-post tax-xogħol. Dan l-eżerċizzju wassal ukoll biex ikunu ppublikati regolamenti riveduti li bażikament jagħmluha iktar faċli li wieħed josserva l-obbligi legali tiegħu. L-Awtorità ħadmet ukoll fit-tul fuq reviżjoni tal-liġijiet dwar kostruzzjoni. Apparti li kien hemm regolamenti li kienu għadhom antikwati, kellek regolamenti li ħarġu anke fl-1968, però l-Awtorità riedet tassigura li dawn ir-regolamenti jkunu nieqsa minn ħtiġijiet burokratiċi jew amministrattivi mhux meħtieġa,” fisser Gauci li fisser kif regolamenti ġodda se jkunu ppubblikati din is-sena.

Interessanti wkoll it-tħassib li esprima l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA dwar is-settur tal-midja. “Importanti li niddiskutuh ukoll. L-ewwel nett irridu niftakru li kull min jaħdem f’dan is-settur, il-cameramen, il-ġurnalisti u l-producers huma wkoll ħaddiema. Jimmeritahom ukoll protezzjoni partikolari minħabba x-xogħol li jkunu qed jagħmlu li nafu li se jeħodhom f’sitwazzjonijiet jew ipoġġuhom f’sitwazzjonijiet ta’ perikli.”

Gauci ta eżempju partikolari. Fakkar f’każ li kien jinvolvi fatalità viċin tal-irdum: “Tara r-ritratti fuq il-gazzetti ppublikati fejn kien hemm numru ta’ cameramen qegħdin proprju fit-tarf tal-irdum biex jiġbdu l-filmat tal-persuna li hemm isfel. Dawn huma affarijiet li jridu jkunu indirizzati minn min iħaddem lil dawn il-ħaddiema. Però apparti hekk, tajjeb li niftakru li meta jkollok programm pereżempju li jinvolvi ċertu xogħol bħala parti integrali minnu, ikun tajjeb li t-telespettaturi jkunu jafu jew ikunu esposti għall-prekawzjonijiet li jkunu qed jittieħdu. Ġieli tara programmi li jkunu qed jiffilmjaw jew juru xogħol anke ta’ kostruzzjoni bħala parti integrali mill-programm innifsu. U tibda tinduna li l-mod kif qed isir dak ix-xogħol mhux mod li huwa sigur. B’hekk it-telespettaturi qegħdin jaraw biss xogħol li biex isir qed jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. U allura tkellimna mal-producers tat-televixin u għednielhom li huwa tajjeb ukoll li tikkunsidraw li meta qed turu xogħol li jkun qed isir, ikun qed isir b’mod li huwa sigur. Biex anke t-telespettaturi jidraw jaraw dak ix-xogħol bil-mod kif suppost għandu jsir.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend