Medjazzjoni bejn il-vittmi u l-aggressuri biex jibdew paġna ġdida – One News

Notifiki

Medjazzjoni bejn il-vittmi u l-aggressuri biex jibdew paġna ġdida

Imniedi is-servizz ta’ medjazzjoni bejn il-vittma u min iwettaq ir-reat offrut mid-Dipartiment tal-Probation u Parole.  Fl-inawgurazzjoni tiegħu, l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela tkellem kif permezz ta’ dan is-servizz għall-ewwel darba tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, il-ħarsien tal-vittmi r-rijintegrazzjoni ta’ min iwwettaq ir-reat qegħda tingħata żvolta ġdida.

Tkellem kif dan huwa proċess bilaterali u voluntarju magħmul minn għadd stabbilit ta’ laqgħat fejn kemm il-ħati kif ukoll il-vittma jkollhom laqgħat ta’ medjazzjoni mmexxija minn persuna mħarġa apposta bil-għan li jipprova jintleħaq kompromess għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat.

Qal kif il-każijiet jistgħu jiġu rreferuti lill-Kumitat għall-Medjazzjoni bejn il-Vittma u Min Wettaq ir-Reat mill-Qorti, il-Bord tal-Parole, l-Offender Assessment Board u r-Remission Board.  Il-Kumitat għandu d-dmir li kull każ li jiġi rreferut, jiġi analiżżat u jiddeċiedi jekk huwiex addattat għall-medjazzjoni.

Il-Ministu Abela semma’ kif  b’hekk il-ħati ta’ reat, ser jindirizza diversi bżonnijiet fosthom li l-vittma tingħata l-opportunita’ titkellem dwar l-esperjenza tagħha kif ukoll li l-ħati jiġi konxju tal-konsegwenzi tar-reat li huwa wettaq. L-għan jibqa li jinstab kompromess bejn iż-żewġ naħat ta’ kif il-ħsara li seħħet tista tiġi irranġata.

Żied jgħid li dan ma jistax iseħħ jekk mhux bl-involviment tal-medjaturi.  Għaldaqstant id-Dipartiment tal-Probation u Parole ħa l-inizjattiva li jorganizza taħriġ akkreditat mill-Universita’ ta’ Malta sabiex dawn jiġu rikonoxxuti bħala medjaturi fil-kamp tal-Ġustizzja Riparatriċi. Disa’ Uffiċjala tal-Probation ibbenefikaw minn dan it-taħriġ.  Ser ikun hemm ukoll l-involviment ta’ medjaturi li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom fil-Qrati ta’ Malta.

Il-Ministru Abela ħabbar li tħejja wkoll l-Victims’ Charter li jipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi offruti mid-Dipartiment tal-Probation u Parole fir-rigward tal-vittmi li ser ikun qed jitqassam lill-istess vittmi. Permezz ta’ dan id-dokument il-vittma tal-atti kriminali se tingħata informazzjoni fuq id-drittijiet tagħha u kif inhu l-aħjar metodu ta’ kif tista tiġi mgħejjuna.

Għal provediment ta’ dan is-servizz ser ikun hemm ukoll kordinatur tal-medjazzjoni. Is-Sinjura Carmen Borg li se tkun qed twettaq dan ir-rwol, fl-indirizz tagħha tkellmet kif permezz ta’ dan is-servizz l-vittma u min wettaq ir-reat ser ikunu qegħdin jiġu mqarrba lejn xulxin f’ambjent adattat. Qalet li l-medjazzjoni se tiggarantixxi kunfidenzjalita’ u  l-ebda informazzjoni li tirriżulta mill-proċess ta’ medjazzjoni ma tista tingħata lil persuni oħra jekk mhux bil-permess taż-żewġ partijiet. Hija għamlet referenza wkoll għal victims chater fejn semmet li f’każ li vittma ma tkunx kuntetna bis-servizz li ingħataw issa għandha l-fakulta’ li tressaq l-ilment tagħha mad-Dipartiment tal-Probation u Parole.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend