Notifiki

Sidien tal-barrieri issa b’sitt rappreżentanti

Il-Malta Developers Association (MDA) nhar is-Sibt bdiet diskussjonijiet fuq ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni fuq perjodu fit-tul waqt laqgħa mas-sidien tal-barrieri fil-preżenza tal-Ministru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera.

Sitta min-nies inħatru bħala rappreżentanti tas-sidien tal-barrieri. Dawn se jiddiskutu alternattivi għall-użu tal-barrieri.

Dr Herrera qal li, minħabba din il-kriżi mingħajr preċedenti, fejn anki proġetti ta’ kostruzzjoni tal-Gvern bħal akkomodazzjoni soċjali ma jistgħux jibdew għax m’għandhomx fejn jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni, qed jiġu proposti żewġ miżuri estremi.

Permezz ta’ Avviż Legali, il-Gvern ser jirrekwiżizzjona il-volum tal-barrieri għall-iskart tal-kostruzzjoni li għaliha jiġu kompensati s-sidien tal-barrieri u l-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi (ERA) ser toħroġ avviżi biex tinforma dawk li ma jridux jaċċettaw l-iskart tal-kostruzzjoni mingħajr raġuni valida li l-liċenzja tagħhom ser tiġi sospiża.

Dr Herrera qal li r-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni fil-baħar jew l-esportazzjoni tagħha mhumiex fattibbli u dawn jgħollu l-prezzijiet tal-proprjetà, fosthom il-kirjiet.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti wera l-fehma li l-miżuri proposti mill-Gvern ma’ jindirizzawx il-kwistjoni fit-tul ta’ żmien. Ħeġġeġ il-Gvern biex jagħti inċentivi fiskali għal perjodu qasir lil dawk li jaċċettaw l-iskart tal-kostruzzjoni biex ma tiżdiedx l-ispiża tar-rimi tal-iskart. “L-awtoritajiet ilhom jgħaddu (s-sidien tal-barrieri) biż-żmien għal iktar minn 20 sena,” qal is-sur Chetcuti.

Għamel appell għal sidien tal-barrieri biex jiftħu l-barrieri tagħhom biex jaċċettaw l-iskart tal-kostruzzjoni mil-lum.

Aqra aktar hawn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend