Tmur żmerċ laqgħa “fil-magħluq” li Busuttil għamel man-negozjanti – One News

Notifiki

Tmur żmerċ laqgħa “fil-magħluq” li Busuttil għamel man-negozjanti

Laqgħa organizzata biex Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonlista jipprovaw jiġbru ġieħhom man-negozji rriżultat fi flopp sħiħ hekk kif stiednu mal-175 negozjant u spiċċaw b’inqas min-nofs ta’ kemm ħasbu li se jattendu.

Il-laqgħa “ma’ nies prominenti minn diversi oqsma” maħsuba biex il-partit, “wara, jimbuttaw l-interessi u x-xewqat tan-nies” saret f ’lukanda f ’Tas-Sliema nhar il-Ġimgħa li għadda, 17 ta’ Marzu, fit-8pm. F’ittra ta’ stedina ffirmata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u li ksibna kopja tagħha, jingħad hekk: “Nixtieq ħafna li narak u li nisma’ x’taħseb.

Il-laqgħa se tkun magħluqa għall-midja biex b’hekk kulħadd iħossu liberu jitkellem u jgħid dak li jħoss.” Il-gazzetta Kullħadd żvelat li sal-Ġimgħa filgħodu l-Partit Nazzjonalista kien ordna ikel għal madwar 200 ruħ. Madankollu, sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li nhar il-Ġimgħa waranofsinhar, ftit sigħat qabel bdiet din il-laqgħa, il-Partit Nazzjonalista niżżel din l-ordni bin-nofs.

L-istess persuni qalulna li filfatt, ikkonfermaw l-attendenza tagħhom 90 persuna, li minnhom tfaċċaw filgħaxija madwar 70 ruħ. Fallout kbira man-negozjanti L-iskandlu li faqqa’ fil-Partit Nazzjonalista fejn irriżulta sallum li Simon Busuttil innifsu kien innegozja u esiġa minn db Group biex iħallsulu l-pagi tal-ogħla żewġ esponenti tal-Partit Nazzjonalista, dik tas-Segretarju Ġenerali u tas-CEO tal-PN wassal biex Busuttil jibda jgħajjar lin-negozji “maħmuġin”.

Espona ruħu wkoll bħala Kap li ma jaħsibhiex darbtejn biex imur fuq it-televiżjoni u jikxef konverżazzjoni ma’ nies li hu stess kien qed jitlob il-flus mingħandhom. Apparti minn hekk, it-tgħajjir li Simon Busuttil għajjar lil db Group esponieh għal Kap ta’ Partit irrabjat u aggressiv. L-ewwel jitolbok il-flus, imbagħad ma jaħsibhiex darbtejn biex jipprova jgħidlek li dawn kienu “flus magħmuġin”.

L-ammissjoni ta’ xi jiem wara fejn qal li dan qalu f ’mument ta’ “rabja”, iktar nisslet dubju fuq il-karattru dgħajjef ta’ Busuttil. Il-kredenzjali ta’ Busuttil iddgħajfu darba għal dejjem Dan l-iskandlu fejn ħareġ li kien Busuttil li fassal skema u talab lill-kumpaniji jħallsu l-pagi ta’ l-ogħla żewġ karigi tal-PN kisser għalkollox il-kredenzjali li Busuttil kien qed jikkampanja fuqhom, jiġifieri governanza tajba u trasparenza. Busuttil innifsu issa jinsab għaddej minn investigazzjoni mill-Kummissjoni Elettorali minħabba ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Dak li żveljna f ’ONE News u fil-gazzetta Kullħadd fl-aħħar ġimgħat, jiġifieri li kien hu li sejjaħ laqgħa ma’ db Group u li matulha esiġa li jitħallsu l-pagi u li d-donazzjonijiet telgħu għal iktar minn €500,000 fl-aħħar snin qatt ma ġew miċħuda. Internament il-kanuni daru fuq Simon Busuttil għall-fatt li għamel froġa sħiħa fil-mod kif mexxa din il-kwistjoni. Minnaħa l-oħra l-klikka ta’ Caruana Galizia, David Thake u li hija mmexxija min-nies madwar Busuttil fetħu l-attakk fuq Mario De Marco.

F’konferenza li sejħulha ‘konferenza radju’ ilbieraħ, Simon Busuttil reġa’ fil-konfort tal-istazzjon tal-PN, insista qatigħ biex ifiehem lis-segwaċi tiegħu li fil-Partit Nazzjonalista ma teżistix qasma. Fil-fatt, il-moral tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista jinsab baxx ħafna. Il-laqgħa flopp fil-magħluq man-negozjanti ta’ nhar il- Ġimgħa li għadda kkonfermat dak kollu li internament beda jinħass, jiġifieri sfiduċja kbira fil-kredenzjali tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend