Pitkalija aktar aċċessibbli, grazzi għal investiment ta’ aktar minn €1.5 MILJUN – One News

Notifiki

Pitkalija aktar aċċessibbli, grazzi għal investiment ta’ aktar minn €1.5 MILJUN

Investiment ta’ aktar minn €1,500,000 f’ xogħol infrastrutturali fic-Ċentru tal-Pitkalija tħabbar illum mis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes. Hu spjega kif it-toroq eżistenti kienu fi stat ħazin u kienu qegħdin joħolqu inkonvenjent lill-bdiewa kif ukoll ħsarat fuq il-prodotti li jidħlu f’ dan iċ-ċentru. 

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li issa wara li ġie allokat it-tender, il-kuntrattur beda bix-xogħol meħtieg  biex tiġi mibdula parti mix-xibka infrastrutturali taħt it-triq, kif ukoll wiċċ ġdid lit-toroq madwar il-kumpless bl-asfalt.  Hu spjega li kif bdew ix-xogħlijiet inkixfu xi defiċjenzi fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma, u b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma din is-sistema se tinbidel kollha. B’konsegwenza ta’ dan, il-proġett  se jieħu ftit żmien iktar milli ġie ippjanat. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali żied jgħid li barra xogħlijiet fuq it-toroq taċ-ċentru tal-Pitkalija, ser isiru xogħlijiet fuq it-tined. Dawn jikkonsistu fil-bdil tas-saqaf eżistenti b’saqaf ġdid li se jkun magħmul minn materjal ħafif. Dan se jtejjeb il-kundizzjonijiet klimatiċi tat-tined. L-istruttura tal-ħadid se titnaddaf, titranġa u tinżebagħ. Il-ħitan interni se jiġu mkaħħla u miżbugħa filwaqt li l-art se tinbidel u se jiġi mwaħħal madum b’saħħtu, b’xaqlib biex jiġi ffaċilitat it-tindif. Il-pjattaformi ta’ barra se jiġu restawrati filwaqt li l-canopies se jinżebgħu mill-ġdid. Is-sistemi tad-dawl u l-ilma fit-tined se jiġu mibdula wkoll. 

Galdes saħaq li permezz tas-Segretarjat tiegħu, il-Gvern se jibqa’ jkattar il-ġid kif għamel f’ dawn l-aħħar erba’ snin biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-bdiewa tagħna u jtejjeb l-ambjent fejn dawn jiffrekwentaw biex isarrfu l-frott tal-ħidma tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari rrimarka wkoll fuq il-provvista tal-kaxxi tal-Pitkalija, fejn fi zmien l-amministrazzjoni preċedenti in-nuqqas fil-provvista tagħhom kien jinħass ferm.  Illum, bi proċeduri aktar efficjenti  din il-problema issolviet u fil-fatt, fl-2016 biss, inxtraw 92,500 -il kaxxa.

Huwa temm jgħid li dawn ix-xogħlijiet se jiżdiedu mal-kullana ta’ proġetti u investimenti oħra li saru f’dan l-aħħar erba’ snin bħal l-Isptar tal-Annimali,  il-landing facilities għas-sajjieda u l-Biċċerija Pubblika fil-Marsa.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend