Jintlaħaq qbil meqjus diffiċli – One News

Notifiki

Jintlaħaq qbil meqjus diffiċli

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ippresedut mill-Presidenza Maltija laħaq ftehim li jirrevedi, għall-ewwel darba, il-qafas finanzjarju ġenerali għan-nefqa tal-Unjoni għat-terminu bejn l-2014 u l-2020. Riveżjoni li għandha l-għan li l-baġit Ewropew ikun iktar effettiv meta jirrispondi għall-isfidi preżenti tal-Unjoni filwaqt li jkun flessibli biżżejjed għall-isfidi li jistgħu jinqalgħu.
L-Istati Membri qablu li n-nefqa għall-migrazzjoni, t-tisħiħ tas-sigurtà u tal-ħarsien tal-fruntieri tiżdied b’ iktar minn żewġ biljun u nofs ewro. Kważi biljun u nofs ewro oħra kienu allokati għall-programmi li jindirizzaw il-problema tal-migrazzjoni fil-pajjiżi min fejn jitilqu l-immigranti. Iktar minn żewġ biljun ewro se jkunu investiti biex l-ekonomija tkun stimulata u jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol permezz ta’ programmi bħall-Youth Employment, Horizon 2020, u Erasmus +.
Il-ftehim ta’ riveżjoni iżżid ukoll il-kapaċita li l-Unjoni tirreaġixxi għall-problemi mhux mistennija għat-tlett snin li ġejjin billi żdiedu l-fondi fir-riżerva t’ għajnuna f’ emerġenza u fl-instrument ta’ flessibilita b’ tlieta u għoxrin miljun, u mija u ħamsa u erbgħin miljun rispettivament. L-Istati Membri qablu wkoll dwar il-possibilita li jeqilbu l-fondi mhux użati minn strument għall-ieħor għal iktar flessibilitá.
Issa imiss biss li din ir-riveżjoni tkun approvata mill-Parlament Ewropew qabel il-Kunsill jimplimenta l-bidliet b’ vot unanimu. Madanakollu l-baġit Ewropew għall-2017, diġa jirrifletti ż-żieda fl-allokazzjonijiet tal-kategoriji rispettivi fil-qafas finanzjarju ġenerali.
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend