Notifiki

Qed nieklu iktar tiġieġ, imma l-majjal baqa’ popolari

Ħafna huma dawk li taqagħlhom żaqqhom malli jisimgħu b’xi majjalata jew xi platt tiġieġ il-forn imħawwar bi ħwawar tipiċi Maltin u dik it-tazza nbid. Forsi waqt li qed tgawdi platt mill-aqwa, żgur li ma jgħaddulekx minn moħħok mistoqsijiet bħal ‘Kif inhi l-produzzjoni tal-laħam f’pajjiżna?’ jew ‘Liema laħam huwa l-aktar imfittex mill-Maltin?’

Fil-każ tal-gazzetta Kullħadd, ma kienx platt mill-aqwa li ġegħelna nistħarrġu dan, imma statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ħarġet fix-xahar ta’ Frar. Statistika li tagħti ħarsa lejn kif kienet il-produzzjoni tal-laħam bejn Lulju u Diċembru 2016 turi li filwaqt li l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u tat-tiġieġ naqas xi ftit, żdiedet il-produzzjoni taċ-ċanga, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Tkellimna mal-veterinarju Oliver Frendo, mill-kooperattiva għat-trobbija tal-majjal li spjega li ż-żieda fil-produzzjoni taċ-ċanga kienet biss għax il-laħam għandu preżenza akbar fis-suq lokali.

Mal-gazzetta Kullħadd Oliver Frendo stqarr li l-għażliet popolari tal-Maltin huma simili ħafna għal dawk Ewropej.

“Skont statistiċi li għandna f’idejna, jidher li l-konsum tal-laħam fost il-Maltin huwa simili għal dak tar-Renju Unit, u l-istess il-maġġoranza tal-Ewropa. Ħarsa lejn livell internazzjonali u Ewropew, il-majjal jibqa’ l-aktar laħam popolari segwit mil-laħam tat-tiġieġ, iċ-ċanga, il-ħaruf, id-dundjan u l-papra.

Tul l-aħħar snin il-laħam tat-tiġieġ żdied ħafna fil-popolarità. Madanakollu sa issa, il-produzzjoni tal-majjal għadha għolja u l-istess il-konsum. Minn statistika li għandna, jidher li l-konsum tal-majjal f’Malta għadu l-aktar għoli. Ta’ min jinnota li l-konsum tal-majjal mhuwiex biss chops tal-majjal jew il-kustijli imma wkoll iz-zalzett, il-bacon, il-perżut, is-salami, il-pulpetti u oħrajn li jżidu l-konsum tal-majjal,’’ spjega Frendo.

‘’Fil-każ tal-majjal, il-kustijli jibqgħu dejjem popolari u huma fost l-aktar popolari f’ristoranti. Hemm domanda wkoll għall-flett (fillet) u l-ħaddejn tal-majjal u dan għax huma żgħar kif ukoll huma l-aktar parti ratba tal-majjal filwaqt li ż-żaqq tal-majjal, minn fejn minnha jsir il-bacon hija popolari s-sena kollha.

Imbagħad hemm biċċiet li l-popolarità tagħhom tvarja skont l-istaġun. Għandek biċċiet bħas-saqajn u l-ispallejn, li huma użati l-aktar għall-istuffat u huma iktar imfittxija fi żmien ta’ kesħa filwaqt li biċċiet bħall-għonq huma aktar popolari fi żmien il-BBQs. Interessanti l-fatt li d-domanda għas-saqajn u l-ispallejn żdiedet fiż-żminijiet tal-iskejjel u dan għax jintuża wkoll għall-prieżet’’ qal Frendo.

Suq mimli sfidi

Sfida ewlenija fis-suq tal-produzzjoni tal-laħam hija l-prezz tal-għalf li nimpurtaw lejn Malta.” Il-prezz tal-qamħ huwa għoli ħafna u dan ifisser li ma nistgħux nipproduċu laħam bi prezz baxx bħalma jagħmlu pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex ikabbru l-qamħ huma stess,” qal il-veterinarju.

Barra minn dan, qed jiġi impurtat majjal minn barra bi prezz baxx. L-impurtaturi, min jipproċessa l-laħam u l-bejjiegħa, jbigħu l-majjal b’rata li hi simili għall-prezz lokali u b’hekk jagħmlu xi ftit ta’ profitt.

Is-suq internazzjonali huwa ta’ sfida kbira għas-suq lokali.

Fl-Ewropa mhuwiex permess kontroll fuq il-produzzjoni b’konsegwenza li jkun hemm produzzjoni tal-majjal iktar milli meħtieġ. Il-veterinarju Oliver Frendo fisser li dan iwassal biex il-prezzijiet jinżammu f’livell baxx li jġibu magħhom sfidi enormi għall-bdiewa tant li ħafna jsibuha diffiċli biex jegħlbuhom. Dawk li jirnexxilhom jegħlbuhom ikollhom iżidu l-produzzjoni tal-laħam, xi ħaġa li f’Malta hija impossibbli li ssir għaliex l-irziezet li għandna huma pjuttost żgħar. “Fil-fatt, meta nħallsu biex nimpurtaw il-qamħ hija pjuttost diffiċli nerġgħu nħallsu biex nesportaw il-majjal mingħajr ma nitilfu flus. Għalhekk il-prodotti lokali huma vijabbli biss biex jinbiegħu lokalment,” kompla jkun spjegat.

Min-naħa l-oħra, l-Ewropa ssibha diffiċli biex tikkompeti mal-prezzijiet tas-suq globali u dan għaliex l-istandards tal-produzzjoni tal-Unjoni Ewropea huma ogħla minn dawk tal-Istati Uniti, tal-Amerka Latina u taċ-Ċina.

Il-veterinarju Oliver Frendo nnota li llum il-ġurnata l-maġġoranza tan-nies jippreferu jixtru l-laħam tal-majjal li jkun ippakkjat, maqtugħ jew immarinat f’pakketti żgħar li hu ferm ogħla minn meta wieħed jixtrih waħdu mill-ħwienet tal-laħam. Dan ifisser, qal Frendo, li n-nies jippreferu jixtru b’konvenjenza u ma jinteressahomx mill-prezz li qed iħallsu.

“Għaldaqstant il-kwistjoni mhix li l-bidwi qed jitlob prezz għoli ħafna iżda elementi fil-katina tal-provvista jieħdu vantaġġ minn laħam li pajjiżi oħra jarmu biex iżidu l-profitt tagħhom,” qal Frendo.

Kif ivarja l-prezz tal-laħam ?

Il-veterinarju Oliver Frendo fisser kif biċċiet differenti tal-laħam għandhom valur differenti skont il-qies, il-kwalità u skont għal xiex se jintużaw. Biċċiet bħall-flett u l-ħaddejn jiswew iżjed u dan għax huma żgħar, rotob u jistgħu jittieklu faċilment filwaqt li għall-biċċiet tas-saqajn hemm it-tendenza li dawn jiġu pproċessati allura l-prezz tagħhom għal kull kilo huwa ferm inqas.
“Il-provvista u d-domanda għandhom effett enormi fuq il-prezz u din mhix biss xi ħaġa lokali. Jekk fis-suq hemm prodott li hu meqjus iżjed minn prodott, mela d-domanda għalih hija kbira u l-bejjiegħa jispiċċaw jikkompetu bejniethom fuq min se jbigħ l-aktar minnu, b’konsegwenza li jbaxxu l-prezz tiegħu. Meta mbagħad ikun hemm wisq minn dak il-prodott, dan jista’ jwassal li l-fornitur jispiċċa jitlef il-flus jew jaqla’ ferm inqas u dan kollu biex jeħles mill-prodott. Xenarju li sar komuni fl-Unjoni Ewropea u dan għax hemm nuqqas ta’ ppjanar u kontroll fil-produzzjoni.
Fattur ieħor huwa l-prezz tal-produzzjoni. F’każ li l-prezz tal-għalf jiżdied, il-bdiewa jispiċċaw iżidu l-prezzijiet tagħhom u dan biex ma jitilfux flus. Xi kultant din hija possibbli u xi kultant le u dan f’każ li fis-suq Ewropew ikun hemm diġà ħafna laħam. Xenarju li jagħmilha impossibbli għall-bdiewa biex iżidu l-prezzijiet u jagħmlu profitt,’’ kompla jgħidilna l-veterinarju Frendo.

Is-sengħa tal-biċċier għadha popolari?

Għalkemm dak li jkun forsi jaħseb li hija sengħa li qed tintilef, mal-gazzetta Kullħadd, il-veterinarju Oliver Frendo stqarr li l-korsijiet għas-sengħa ta’ biċċier qed ikunu offruti u dan għaliex id-domanda għal dan is-servizz għadha hemm u għadha tagħti l-possibilità li wieħed jieħu minnha livell t’għajxien tajjeb. ‘’Però hija ta’ sfortuna li l-ġenerazzjoni l-ġdida u l-ġenituri ma jħarsux lejn il-biċċier bħala professjoni.’’

‘’Dan ix-xenarju mhuwiex f’Malta biss’’ qal Frendo. ‘‘Filfatt ħafna pajjiżi avvanzati qed jaffaċċjaw nuqqas ta’ interess fost żgħażagħ li donnu jħarsu lejn il-professjoni bħala xi ħaġa ‘ta ħmieġ’ jew bħala professjoni li hi wisq ‘fiżika’ f’dak li għandha x’taqsam il-biedja, il-qtil tal-annimali jew il-biċċier’’

Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li s-soċjetà tal-lum m’għadhiex tgħallem lit-tfal dwar l-importanza ta’ dawn il-professjonijiet. Ġeneralment it-tfal qed jitgħallmu biss dwar il-professjonijiet tat-tobba, tal-avukati u ta’ nies tekniċi però rari ħafna li fil-kotba edukattivi naraw ritratti ta’ bdiewa u biċċiera.

‘‘Donnu qed ninsew ngħallmu dwar l-importanza tal-ikel u r-rispett lejn in-nies li jipproduċu l-laħam biex nieklu. B’riżultat ta’ dan, spiċċajna għandna iżjed avukati milli bdiewa u biċċiera’’ temm jgħid il-veterinarju Oliver Frendo

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend