Simon Busuttil ħa jfalli test ieħor – One News

Notifiki

Simon Busuttil ħa jfalli test ieħor

Simon Busuttil ma jistax jibqa’ b’ ħalqu magħluq quddiem każ potenzjalment ta’ frodi fl-applikazzjoni għall-Villa f’ żona ODŻ mid-deputat tiegħu Toni Bezzina.

Dan qaluh il-Ministru Edward Zammit Lewis u d-deputat Laburista Clifton Grima f’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista fid-dawl tal-aħħar żviluppi li turi kif Bezzina vvinta fl-applikazzjoni biex din setgħet tkun approvata.

“Kif Simon Busuttil ħareġ b’saħħa jiddefendih, issa għandu responsabbilita ikbar. Dan għax il-każ ma baqax biss ta’ ipokrezija, li fiha Simon Busuttil huwa espert, iżda huwa każ li jista jkun ta’ frodi” stqarr il-Ministru Zammit Lewis.

Id-deputat Clifton Grima fakkar kif Bezzina ivvinta kamra ta’ 31 metru kwadru fil-pjanta li bagħat huwa stess, meta jidher ċar mir-ritratti mill-ajru li l-kamra ma teżistix, u li hemm biss ħajt. Kamra li mingħajrha, ma kienx ikollu ċans remot li l-Awtorita tal-Ippjanar tapprovalu l-applikazzjoni peress li kellu jipprova li fuq l-art kien hemm xi darba residenza ta’ mitt metru kwadru.

“Dan iqajjem suspetti kbar ta’ applikazzjoni potenzjalment frodulenti”qal Grima li tenna kif għalkemm quddiem il-kameras u l-poplu kiteb ir-rapport dwar l-ambjent, fil-kwiet tal-uffiċju tiegħu Bezzina ħażżeż pjanijiet biex jisfrutta żona ODŻ.

Għalhekk il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li għal dan il-każ serju, mhux biss għandu jerfa’ r-responsabbilita d-Deputat Toni Bezzina, iżda anka l-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil- li għandu test ieħor ta’ kredibilità quddiemu.  “Test li se jerġa’ jfallih għax fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm ipokrezija grassa, li filwaqt li jitkellmu fuq l-ambjent iridu jibnu f’ ODZ, u anka għax Simon Busuttil dera bid-double standards” saħaq Zammit Lewis.

Ir-reazzjoni ta’ Bezzina, li qal li se jagħmel libell hija reazzjoni ta’ paniku u li turi li wasal fl-estremita li jemmen il-gideb tiegħu stess, qal il-Ministru.

Kien anka qabel dan l-iżvilupp li l-applikazzjoni kienet deskritta bħala ‘qarrieqa’, ‘mhux aċċettabli’ u ‘ipokrita’ minn Din l-Art Ħelwa, l-ERA u l-Alternattiva Demokratika rispettivament.

“Li hu żgur hu, li Busuttil ma jistax jibqa’ sieket” qal il-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend