Presidenza li tpoġġi lill-artisti wkoll fil-qalba tal-Ewropa – One News

Notifiki

Presidenza li tpoġġi lill-artisti wkoll fil-qalba tal-Ewropa

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 hija assoċjata mal-aspett politiku. Madankollu, dawn is-sitt xhur li fihom Malta qiegħda fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Ewropa, huma wkoll opportunità għat-talent lokali. Għalhekk il-Presidenza Maltija tal-UE qed tippreżenta programm kulturali vast u varjat maġenb dak politiku.

Ix-xahar ta’ Jannar, li ta bidu lil din il-Presidenza, għadda bħal leħħa ta’ berqa. Mhux inqas dak ta’ Frar, li segwieh b’diversi proġetti kulturali kbar. Fosthom hemm uħud li għadhom għaddejjin s’issa.

Għal żmien il-karnival il-Presidenza Maltija tal-UE 2017 ikkummissjonat karru trijonfali, Kulħadd f’Baħar Wieħed, li sar b’kollaborazzjoni mal-karikaturist Ingliż Steve Bell u l-fabrikant Malti tal-karrijiet Norman Hill mill-Kumpanija tal-Karnival Ċiċċo, kif ukoll mal-Kunsill Malti għall-Arti. Fil-25 ta’ Frar ingħata wkoll bidu uffiċjali għal Gaulitana, festival ta’ mużika klassika mit-Teatru Aurora f’Għawdex, li se jibqa’ għaddej sat-2 ta’ April. L-aħħar proġett għall-programm ta’ Frar għandu jingħata bidu għada s-27 ta’ Frar, u mistenni jibqa’ għaddej sat-23 ta’ Ġunju. Dan il-programm għandu l-isem Oħloq id-Dinja Tiegħek, u huwa serje ta’ workshops ibbażati fuq il-kunċett ta’ gamification, fejn il-logħob u d-dinja tax-xogħol jitħalltu u jsiru ħaġa waħda.

Però, il-programm kulturali mhuwiex limitat għall-Gżejjer Maltin. Fil-fatt, aktar minn nofs l-avvenimenti qed isiru lil hinn minn xtutna. Fil-Parlament Ewropew fi Brussell ingħata bidu għall-esibizzjoni Valletta: Another Landscape, wirja tal-fotografija ta’ Ritty Tacsum, li bdiet fid-9 ta’ Frar u mistennija tkompli sal-aħħar ta’ Marzu. Fis-16 ta’ Frar infetħet uffiċjalment il-wirja Malta – Land of Sea, li se tibqa’ miftuħa sat-28 ta’ Mejju fil-Bozar, fi Brussell. Fi Brussell ukoll, fil-Bini LEX nhar is-17 ta’ Frar, infetħet il-wirja Contemporary Malta – Fine Arts Exhibition mill-istudenti tal-MCAST, u li mistennija tkompli sal-aħħar ta’ Ġunju. Wirja oħra ta’ fotografija, din id-darba ta’ Joe Smith, bl-isem The Texture of Memory, infetħet fit-22 ta’ Frar fil-KESE, fi Brussell, u se tibqa’ miftuħa sal-20 ta’ Marzu.

Issa jmiss li naqilbu l-folja tal-kalendarju tagħna, hekk kif nhar l-Erbgħa li ġej se jibda x-xahar ta’ Marzu. L-ewwel avveniment kulturali għal dan ix-xahar se jsir f’Dar Malta, fi Brussell. Din hija wirja fotografika tal-artist Kris Micallef, bl-isem REGNVM, u se tittella’ mit-3 ta’ Marzu sal-15 ta’ Mejju. Fil-Parlament Ewropew se tittella’ wkoll wirja ta’ oġġetti misjuba taħt l-ilma madwar Għawdex, nhar is-6 ta’ Marzu, bl-isem Phoenician Shipwreck. Din l-esibizzjoni se tittella’ mill-uffiċċju tal-Membru Parlamentari Ewropew ta’ Miriam Dalli. Din il-wirja se tiġi segwita minn tliet avvenimenti li se jsiru fil-Lussemburgu: mill-10 ta’ Marzu sas-16 ta’ April se tittella’ wirja fotografika ta’ David Pisani bl-isem Vanishing Valletta, li hija studju dwar il-Belt Kapitali tagħna u l-Port il-Kbir; Nadine Axisa se tagħti kunċert bl-isem Velvet fit-12 ta’ Marzu; u Gabi Sultana mistennija tagħti prestazzjoni fuq il-pjanu fis-16 ta’ dan ix-xahar. Fl-istess ġurnata se jsir kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fl-Awstrija bl-isem ta’ EROICA.

Il-kalendarju lokali se jibda f’nofs Marzu b’Shadows of Malta’s Times, li għandu jkompli għaddej sa tmiem Mejju u li jikkonsisti fi prestazzjoni b’pupazzi tad-dell. Din se tittella’ f’numru ta’ skejjel primarji differenti madwar Malta. L-esibizzjoni Valette Dagger dwar l-istallett tal-Gran Mastru de Valette se ssir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, mit-18 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Ġunju. L-istallett ġie misluf mill-mużew Louvre f’Pariġi.

Il-kalendarju kulturali jerġa’ joħodna barra minn xtutna fil-21 ta’ Marzu, li jimmarka l-ewwel kunċert minn Tenishia fiċ-Ċina. Tenishia mistenni wkoll jagħti kunċerti fl-24 ta’ Marzu fil-Malasja, u fil-25 u l-31 ta’ Marzu fl-Indoneżja. Mill-ġdid se ssir wirja tal-fotografija mit-22 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ April, bl-isem Gozo – Faces of Culture, li se ssir fil-bini tal-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell.

Marzu jimmarka l-anniversarju minn meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma fil-25 ta’ Marzu 1957. Biex niċċelebraw din l-okkażjoni, li se taħbat f’nofs il-Presidenza Maltija tal-UE, il-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta se tittrasforma ruħha fi sfond għal xogħol ta’ arti multimedia bl-isem Colours in Motion, marbut mat-temi tas-settur marittimu, il-migrazzjoni u l-Mediterran, b’mużika oriġinali li torbot ma’ kwotazzjonijiet minn sorsi ta’ letteratura mit-28 Stat Membru tal-UE. Dan l-ispettaklu se jittella’ mill-24 sas-26 ta’ dan ix-xahar.

L-24 ta’ Marzu huwa wkoll il-jum li fih jingħata bidu għall-wirja fotografika IN TRANSIT fl-Olanda. Din mistennija tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Mejju. Is-27 ta’ Marzu wkoll se jġib żewġ avvenimenti miegħu. F’dan il-jum Walid Nabhan jibda l-qari ta’ letteratura ma’ Adrian Grima fir-Ramallah. Huma mistennija jduru tliet universitajiet fil-Palestina sat-30 ta’ Marzu. Kirana, li se ssir fis-27 ta’ Marzu f’Sydney, hija prestazzjoni li tgħaqqad iż-żfin u l-multimedia, u li tħajjar lit-tfal sabiex jipparteċipaw f’numru ta’ workshops abbinati mal-avveniment.

L-aħħar avveniment għal dan ix-xahar huwa kunċert minn Simon Schembri, bl-isem The Maltese Touch. Dan se jsir f’Washington, u b’hekk – b’togħma Maltija – nagħlqu l-kalendarju tal-avvenimenti kulturali għax-xahar ta’ Marzu.

Ritratt: Kris Micallef

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend