Il-President tippreżenta r-realtajiet tan-nisa Maltin – One News

Notifiki

Il-President tippreżenta r-realtajiet tan-nisa Maltin

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca indirizzat konferenza bl-isem ta’  ‘Are Female Employees Better Off at Work?’ organizzata mill-General Workers’ Union.

Minkejja l-avvanzi kbar favur l-ugwaljanza li seħħew f’pajjiżna matul iż-żminijiet, qalet il-President, għad hemm sitwazzjonijiet serji ta’ inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’pajjiżna.

Spjegat is-sitwazzjoni attwali f’pajjiżna.

L-aħħar Gender Equality Index maħruġ mill-World Economic Forum, juri li fl-2016, Malta ġiet fil-108 post minn 144 pajjiż f’dawk li huma rankings internazzjonali.

F’dawk li huma rankings Ewropej, Malta kisbet persentaġġ ta’ 46.8% fl-aħħar Gender Equality Index tal-2016 maħruġ mill-European Institute for Gender Equality tal-Unjoni Ewropea. L-istess indiċi jkejjel l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’sitt oqsma importanti li huma: ix-xogħol, il-flus, it-tagħrif, il-ħin, il-poter u s-saħħa. Imbagħad, dan l-indiċi jagħti numru ta’ punti lil kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Jiġifieri skor ta’ punt wieħed jindika inugwaljanza totali, filwaqt li skor ta’ 100 punt jindika ugwaljanza sħiħa.

Għalhekk Malta, bi skor ta’ 46.8%, għadha ma waslitx lanqas nofs triq fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Sadanittant, l-istess indiċi mill-European Institute for Gender Equality tal-Unjoni Ewropea qed juri sinjali pożittivi, fejn jidħol id-distakk bejn in-nisa u l-irġiel Maltin, fil-qasam tax-xogħol. Liema distakk huwa ta’ 25%.

Il-President innotat b’sodisfazzjon ukoll li ż-żieda fin-numru ta’ nisa jaħdmu kien fuq bażi full-time. Minkejja dan, ma nistgħux naljenaw moħħna, fakkret il-President. Skont riċerka ppubblikata fl-2016 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kważi waħda minn kull erba’ nisa Maltin, qed isostnu li ma jistgħux jaħdmu minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja.

Fl-istess waqt, in-numru ta’ irġiel Maltin li qed jgħidu li ma jistgħux jaħdmu għall-istess raġunijiet huwa, negliġibbli – jiġifieri inqas minn 20 raġel b’kollox.

F’dan il-kuntest, għamelt mistoqsijiet għar-riflessjoni: x’inhuma r-raġunijiet għal din id-diskrepanza? X’inhuma l-fatturi ta’ kultura u drawwiet li qed inaqqsu l-parteċipazzjoni attiva ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol?

 

Il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-indikazzjonijiet li qed jagħtuna l-esperti, jindikaw illi l-ħin qasir tal-iskola, u l-irwol tradizzjonali li jżomm lill-mara milli jkollha aċċess għal xogħol f’ċerti setturi qed jikkontribbwixxu għal din is-sitwazzjoni.

Sfida oħra li qed ixxekkel l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi f’Malta, sostniet il-President, hija fejn għandu x’jaqsam mal-ħin li n-nisa u l-irġiel iqattgħu fuq xogħol bla ħlas, bħal meta jieħdu ħsieb xi membru tal-familja, jagħmlu x-xogħol tad-dar u attivitajiet soċjali oħra.

L-indiċi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja qed jindika li l-isfida għan-nisa Maltin kompliet tikber, għaliex, mill-2005 ’l hawn, dan l-indiktatur naqas b’10.6%.

Dan ifisser li n-nisa Maltin qed iqattgħu aktar ħin jieħdu ħsieb lil xi ħadd, milli fuq attivitajiet ta’ divertiment, sport, jew volontarjat, iġifieri attivitajiet ta’ rilassament. Dan ifisser li ħafna nisa Maltin neqsin mill-ħin ħieles.

Dan jkompli juri li n-nisa Maltin għandhom sfidi akbar biex isibu bilanċ b’saħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dan ifisser ukoll li jeħtieġ li bħala soċjetà nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa ħalli nkomplu nibdlu l-mentalità u d-drawwiet tradizzjonali dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel fil-familja u fil-post tax-xogħol.

Minkejja kollox, osservat il-President, ħafna nisa Maltin għadhom jgħixu fi strutturi sterjotipati.

Appellat anke lit-trade unions biex fil-proċess tan-negozjar ta’ ftehimi kollettivi, iżommu ċentrali dawn l-isfidi soċjali, li jaffetwaw bl-aktar mod dirett, is-sistema ta’ inklużjoni u ugwaljanza.

Kwistjoni oħra, li għandhom ukoll jidħlu fiha it-trade unions, hija dik li għandha x’taqsam mad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. B’dispjaċir, il-President qalet li filwaqt li għal ħafna snin Malta kellha waħda mill-inqas distakki fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, fost il-membri tal-UE, fl-aħħar kwart tal-2016, kien hemm żieda fid-distakk ta’ 6.1% bejn il-pagi. Jiġifieri, skont informazzjoni tal-Eurostat ippubblikata fl-2016, dan id-distakk tela’ minn 4.5% fl-2014 għal 10.6% fl-2016.

Dan id-distakk għadu taħt il-medja tal-UE, jiġifieri ta’ 16.1%. Madanakollu dan l-indikatur, fil-kuntest tagħna qed jurina li l-awtoritajiet tagħna ma’ jistgħux jibqgħu passivi quddiem din il-kwistjoni.

Hawnhekk appellat lill-istakeholders kollha, li għandhom rwol importanti fil-qasam tax-xogħol, biex jaħdmu ħalli jassiguraw li dan id-distakk kbir fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, ma jkomplix jikber.

Aspetti importanti oħra, li joħorġu minn indikaturi uffiċjali, u li semmiet il-President, huwa marbut mal-fatt li Malta tinsab fl-aħħar postijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fil-qasam tal-kummerċ.

Qalet li sabiex nassiguraw bidla kredibbli u fit-tul f’din is-sitwazzjoni prekarja, li għadhom qed jaffaċċjaw ħafna nisa li qed ifittxu xogħol dinjituż f’Malta, irridu nkomplu nsaħħu s-sistema edukattiva tagħna.

Il-President temmet tgħid li “jenħtieġ li nrawmu aktar sinerġiji bejn l-awtoritajiet, l-attivisti fis-soċjetà ċivili, u l-esperjenzi reali tan-nisa fil-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna, sabiex nassiguraw li dawn l-isfidi nindirrizzawhom b’mod ħolistiku u totali”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend