Multa għal Bogdanovic, protezzjoni għal martu u ċanfira lill-midja – One News

Notifiki

Multa għal Bogdanovic, protezzjoni għal martu u ċanfira lill-midja

L-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti Daniel Bogdanovic kien immultat elf ewro f’każ fejn hedded lil martu, filwaqt li l-Qorti ħarġet garanzija personali fil-konfront tal-mara taħt penali ta’ elfejn ewro u ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin.

Dan f’każ fejn il-mara tal-akkużat għażlet li ma tixhedx fil-konfront ta’ żewġha biex il-kwistjonijiet li hemm bejn iż-żewġ naħat issa jkunu diskussi ċivilment. Il-Qorti ssospendiet ukoll il-liċenzja tal-armi għal żmien sena.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud wassal ukoll messaġġi importanti, fejn kien iebes mal-mezzi tax-xandir. Anke jekk deher japprezza li każ ta’ eks plejer internazzjonali dejjem se jiġbed l-attenzjoni.

“Hawnhekk għandna każ ta’ player tal-football li lagħab mat-team nazzjonali u allura jiġbed aktar interess.  Mhux għax l-akkużi miġjuba kontrih huma rarità fil-Qrati tagħna tant li f’kull seduta tad-distrett ikun hemm numru ta’ kawżi li jkollhom l-istess akkuzi li jinsab mixli bihom l-imputat,” kiteb Mifsud fis-sentenza fejn innota wkoll nuqqas ta’ sensittività lejn il-qraba tal-imputat.

Tant li nnota fis-sentenza kif il-mod kif il-każ Daniel Bogdanovic infirex fuq il-midja kellu impatt fuq ulied l-imputat li spiċċaw isegwu każ bejn il-ġenituri tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir. Il-psikologu Joseph Farrugia, espert imqabbad mill-Qorti biex jassisti lill-mara u t-tfal iddikjara:

“Peress li l-każ ġie mxerred sewwa fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, dan kellu effett negattiv kemm fuq is-sinjura Bogdanovic kif ukoll fuq it-tfal.  B’mod speċjali t-tfal iż-żgħar sabuha diffiċli jaffrontaw lil sħabhom tal-iskola. Għalhekk kien meħtieg li nagħti sapport lis-sinjura Bogdanovic u lit-tfal biex jaffrontaw b’mod san l-impatt socjali tal-kaz.”

Fuq kollox, innota l-Maġistrat, dan il-kaz spiċċa ballun fl-arena tal-politika partiġjana u ddikjara li ħafna mir-rapporti kienu mibnija fuq il-fantasija u mhux fuq il-provi li nġiebu fil-Qorti.

“Filwaqt li dehru dawn ir-rapporti spekulattivi, tal-iskantament kif l-ebda ġurnalist m’attenda għas-seduti tal-każ, biex ikun jaf eżatt dak li seħħ u kien għaddej,” iddikjarat il-Qorti fis-sentenza tagħha.

Minbarra l-midja anke l-prosekuzzjoni ma ħelsitix minn taħt idejn il-Maġistrat li kien kritiku ħafna tagħha għal mod kif ma kinetx preparata tant li għal iktar minn darba bidlet l-akkużi li Bogdanovic kellu jgħinu biex jiddefendi ruħu minnhom lill-avukat Charlon Gouder.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend