Sigurtà massima għall-ewwel żjara uffiċjali ta’ PM Tork – One News

Notifiki

Sigurtà massima għall-ewwel żjara uffiċjali ta’ PM Tork

Din hija l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Kap ta’ Stat Tork f’pajjiżna. Tul iż-żjara tal-Prim Ministru Tork, Binali Yıldırım, mistennija jkunu d-diskussi mhux biss ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u t-Turkija iżda anke r-relazzjoni bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jkun qed jagħti importanza s-sitwazzjoni fit-Turkija, fid-dawl tal-aħħar żvilluppi fir-reġjun Mediterranju. Saħaq li huwa kuntent bl-investiment Tork f’pajjiżna, speċjalment fil-qasam marittimu u li jħares ‘il quddiem lejn iktar kollaborazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Tork, filwaqt li rringrazzja l-Gvern Malti għall-ospitalitá saħaq li huwa kburi li l-ewwel żjara uffiċjali kellha taħbat mal-50 sena anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjoni diplomatika bejn iż-żewġ pajjiżi.

Huwa għamel referenza ukoll għar-relazzjoni kummerċjali u l-investiment ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi fejn deher kunfidenti li din il-kolaborazzjoni se tissaħħaħ. Il-Prim Ministru Tork stqarr li Malta dejjem kienet ta’ appoġġ għat-Turkija biex tidħol fl-Unjoni Ewropea u stqarr li jispera, li dan l-appoġġ issarraf f’diskussjoni, matul il-Presidenza, dwar reviżjoni tal-ftehim ta’ customs union li ilha tisħaq dwaru t-Turkija u li tixtieq li tissolva sal-aħħar tas-sena.

Il-Prim Ministru Tork huwa akkumpanjat minn bosta Ministri Torok u delegazzjoni kbira ta’ negozjanti li ser ikollhom laqgħat ma’ negozjanti Maltin biex jistabbilixxu kuntatti kummerċjali ġodda f’pajjiżna.

Intant fil-Belt Valletta, hawn sigurtá massima bil-forzi tad-dixxiplina saħqu ma’ ONE NEWS li qatt ma raw din it-tip ta’ sigurtá f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend