Qtil fil-Marsa – One News

Notifiki

Qtil fil-Marsa

Kellha tkun għodwa mdemmija fil-Marsa meta fil-ħamsa ta’ filgħodu l-Pulizija kienet infurmata b’ katavru mitluq mal-art biswit karozza fit-Triq Simpson.

Il-katavru ma damx ma kien identifikat mit-tpinġijiet fuq idu l-leminija bħala Sylvester Farrugia ta’ 25 sena miż-Żurrieq.

Mill-marki tad-demm li nstabu fil-karozza u l-ħġieġa ta’ wara li kienet imfarrka, jidher li l-vittma kien riekeb fis-seat ta’ wara tal-karozza meta ntlaqat b’tir f’ dahru. Mandanakollu t-tir ma qatlux immedjatament hekk kif jidher li rnexxilu joħroġ mill-karozza iżda ċeda għall-ġrieħi.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-vettura tat-tip Toyota Startlet, li ħdejha nstab mejjet Farrugia, kienet ilha misruqa għal din l-aħħar sena u li l-pjanċi li għandha mwaħħla magħha ukoll insterqu minn vettura oħra.

Iċ-ċwievet tal-karozza ma nstabux fuq ix-xena tad-delitt u sorsi fi ħdan il-Pulizija qrib One News qalulna li dan qed iwassalhom biex jaħsbu li ż-żagħżugħ kien akkumpanjat minn persuni oħra u li kienu fi triqithom biex jikkommettu xi reat kriminali. Kien dak il-ħin li persuna jew persuni oħra għaddew mit-triq, sparaw it-tir u ħarbu.

Għalkemm hija triq residenzjali, persuni li kenu fuq il-post waqt li l-Pulizija kienet qed tinvestiga saħqu li ma semgħu ebda sparaturi fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu.

Għadu mhux magħruf kemm-il persuna hi responsabbli għall-qtil taż-żgħażugħ Żurrieqi iżda l-pulizija ssekwestrat il-filmati tal-kameras ta’ sigurta li hemm fil-viċinanzi biex tistabbilixxi l-attivita li kien hemm fit-triq fil-ħin tad-delitt.

Għalkemm Farrugia kellu kondotta nadifa, kien magħruf sew mal-Pulizija b’ rabta ma serq u drogi.

Bil-każ ġie infurmat il-maġistrat tal-għassa Anthony Vella li ħatar diversi esperti biex jassituh fl-inkjesta.

Dan huwa t-tieni delitt għas-sena elfejn u sbatax, hekk kif eżattament ġimgħatejn ilu inqatel Victor Calleja ta’ ħamsa u sittin sena b’ bomba fil-karozza. Dan id-delitt ukoll seħħ fil-Marsa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend