250,000 karba għall-għajnuna fuq il-179 – One News

Notifiki

250,000 karba għall-għajnuna fuq il-179

Daħlu kwart ta’ miljun telefonata ġenwina fuq is-Supportline nazzjonali 179, fl-20 sena li ilu jitmexxa dan is-servizz mill-Aġenzija Appoġġ. Is-servizz tas-Supportline 179 ilu jopera għal dawn is-snin kollha grazzi għax-xogħol u d-dedikazzjoni tal-voluntiera u l-istaff professjonali li jmexxu l-istess servizz.


Supportline 179 beda bħala helpline biex jgħin lil vittmi ta’ vjolenza domestika u lil tfal vittmi ta’ abbuż, iżda wara evolva għal helpline nazzjonali.

Fil-fatt Supportline 179 huwa servizz offrut fuq 24 siegħa kuljum u joffri sapport f’sitwazzjonijiet differenti fosthom vjolenza domestika, abbuż fuq it-tfal, ħsibijiet ta’ suwiċidju, solitudni, diffikultajiet emozzjonali, problemi ta’ mġiba, abbuż minn sustanzi, u logħob tal-ażżard fost l-oħrajn.

Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin, Supportline 179 estenda s-servizz tiegħu u beda jirċievi wkoll telefonati li jsiru fuq l-EU Emotional Support Helpline 116 123 u l-EU Child Helpline 116 111. L-għan ta’ dawn il-helplines huwa li jkun hemm numru komuni fl-Ewropa fejn wieħed jista’ jitlob l-għajnuna.

F’attività li saret nhar il-Ġimgħa li għaddiet, it-43 voluntier ġew irringrazzjati tad-dedikazzjoni f’xogħolhom u li bis-saħħa tagħhom qed jgħinu lil kull min jitlob l-għajnuna permezz tas-Supportline 179.

Għal din l-attività kien hemm preżenti l-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, Alfred Grixti Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u Ruth Sciberras, Kap tal-Operat tal-Aġenzija Appoġġ.

Minħabba l-importanza ta’ Supportline 179 l-Aġenzija Appoġġ saħqet biex il-pubbliku juża s-Supportline 179 b’mod għaqli, sabiex b’hekk il linji jkunu jistgħu jintużaw minn min ikun jeħtieġ l għajnuna speċjalment f’każijiet ta’ emerġenza.

Persuni interessati li jissieħbu mat-tim eżistenti ta’ voluntiera ta’ Supportline 179 jistgħu jżuru www.appogg.gov.mt għal aktar informazzjoni, jew iċemplu fuq 23885110 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend