Il-prijoritajiet dwar l-ambjent preżentati quddiem l-ENVI – One News

Notifiki

Il-prijoritajiet dwar l-ambjent preżentati quddiem l-ENVI

Fi Brussell, ġewwa l-Parlament Ewropew quddiem il-Membri tal-Kumitat responsabbli mill-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera preżenta l-prijoritajiet tal-Kunsill tal-Ambjent li ser ikun qed jippresjedi għas-sitt xhur li ġejjin.

It-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, l‑Aġenda tal‑Iżvilupp Sostenibbli għall‑2030 u r-reżistenza antimikrobika huma l-prijoritajiet għall-Presidenza Maltija għal dan il-qasam, liema prijoritajiet ser ikunu qed jagħmlu d-differenza liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, qal il-Ministru Herrera.

Dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Ministru José Herrera qal li l‑Presidenza Maltija se tibni fuq il‑ħidma li diġà twettqet fuq il‑qafas ta’ politika għall‑klima u l‑enerġija għall‑2030.

José Herrera qal li l-Presidenza Maltija ser tara li tagħmel progress sostanzjali u konkret fuq il‑proposta dwar ir‑reviżjoni tal‑iskema għall‑iskambju ta’ kwoti tal‑emissjonijiet (ETS) kif ukoll dwar ir‑Regolament dwar il‑Kondiviżjoni tal‑Isforzi (ESR) u r‑Regolamenti dwar l‑Użu tal‑Art, it‑Tibdil fl‑Użu tal‑Art u l‑Forestrija (LULUCF).

Ser tingħata wkoll attenzjoni lill‑emissjonijiet mill‑avjazzjoni partikolarment wara l‑Assemblea Ġenerali tal‑Organizzazzjoni tal‑Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), qal il-Ministru Herrera.

Dwar il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Ministru José Herrera qal il‑Presidenza Maltija ser taħdem biex tmexxi ‘l quddiem in‑negozjati fuq il-proposti leġiżlattivi li jemendaw is‑sitt Direttivi dwar l‑iskart

Fil-kumitat tal-ENVI l-Ministru Herrera wieġeb il-mistoqsijiet kollha li tressqu mill-MEPs tad-diversi partiti li fil-kummenti tagħhom ilkoll faħħru l-programm ta’ prijoritajiet imħejji mill-Presidenza Maltija għal dan il-qasam.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend