Notifiki

Pariri mill-Pulizija, li jaqbillek tisma’ minnhom

Drajnihom.

Ritratti ta’ tfal u anke adulti waqt xi festin jew okkażjoni d-dar, f’attentat li dak li jkun jikseb il-‘likes’ u jżomm il-memorja għall-dejjem, almenu fid-dinja diġitali. Fl-isfond, dettalji tal-kċina, kamra tal-pranzu, tal-ġnien jew xi kamra tas-sodda.

Ritratti ta’ nies libsin l-aqwa lbies, b’xi kitba “Andrew and Michaela’s wedding tonight” drajnihom ukoll. Anzi, drajna ritratti waqt it-tieġ innifsu, b’xi kitba “having a blast – at…” u deskrizzjoni eżatta ta’ fejn jinsabu l-protagonisti.

Is-Sibt filgħaxija? Idħol fuq Facebook…hemm ċans issib eżatt min jinsab fejn. Dawn ir-ritratti u deskrizzjonijiet qed jikkonsmahom kulħadd, mhux biss dawk tal-qalba li jħallu xi qalb, xi wiċċ sorpriż, jew xi kumment. It-taqsima tal-komnikazzjoni tal-Pulizija għandha dan il-parir: “tatix informazzjoni li se tkun se tattendi xi attività, bħal party, tieġ, eċċetra, ’l barra mid-dar. Tkun qed tavża li d-dar se tkun vojta”.

Dan jgħodd speċjalment meta Facebook qed jagħmel minn kollox biex jiskopri min int, xi tħobb, fejn tmur, biex ikun jista jirriklama miegħek l-affarijiet li l-iktar jolqtuk. Infatti jtik il-faċilità ixxandar mal-erba’ irjiħat tad-dinja jekk hux se tattendi avveniment partikolari jew inkella le.

Però l-parir tal-Pulizija ma kienx biss relatat ma’ dak li ntellgħu fuq Facebook b’rabta ma’ xi okkażjoni. Sirna nitfgħu wkoll ritratti ta’ propjetajiet għall-bejgħ. Infatti ċertu profili qed jinħolqu appunti għal skop wieħed: tidħol fihom, tqalleb ir-ritratti, u tara jgħoġbokx dak li qed tara. Il-parir huwa sempliċi imma tiskanta kemm ikun injorat: “meta jkollok propjetà għall-bejgħ, tħallix affarijiet ta’ valur jidhru”.

Il-periklu tista’ ssibu u tista’ tevitaħ prattikament f’kull ħin. Assumi ġejjin nies iwasslulek xi oġġett li tkun xtrajt id-dar. Dawn huma nies stranġieri li dieħlin ġo darek. Fi kliem il-Pulizija: “m’hemm xejn irregolari billi tistaqsi lill-persuna li tkun qed tħabbatlek ghall-identifikazzjoni, speċjalment jekk iż-żjara ma tkunx waħda mistennija”.

Mhux l-iskop li nqabbduk paranoia, imma ftit ħsieb qatt m’għamel ħsara, u l-edukazzjoni tgħin dejjem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend