Jirdoppjaw it-tfal Għawdxin li jipprattikaw l-isport fil-programm ‘On the Move’ – One News

Notifiki

Jirdoppjaw it-tfal Għawdxin li jipprattikaw l-isport fil-programm ‘On the Move’

Kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt madwar 450 tifel u tifla Għawdxin qed jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi fil-programm ‘On The Move’. It-tfal qed jattendu għal 24 ġimgħa ta’ attività sportiva fil-kumpless sportiv ta’ Għawdex u f’kumplessi oħra mifruxa fil-gżira. L-attendenza ta’ din is-sena hi waħda rekord u tfisser li mis-sena l-oħra l’hawn irdoppjat. Jirriżulta li fil-bidu kien hemm biss mal-100 student jipparteċipaw, u s-sena l-oħra l-figura telgħet għal 250.

L-iskema qed jieħdu ħsiebha l-Gozo Sports Board b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u mmexxija minn SportMalta. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex għal sena oħra qed jissussidja l-prezz u joffri trasport b’xejn minn kull raħal. Infatti l-parteċipanti Għawdxin qed iħallsu nofs prezz.

Barra minn hekk, għall-ewwel darba din is-sena, qed jiġu organizzatti attivitajiet anke l-Ġimgħa fejn tfal tal-kinder u pre-kinder qed ikollhom sessjoni speċifiċi għalihom. Dan minbarra diversi sessjonijiet ta’ keep fit fosthom b’wieħed speċifiku għal persuni ‘l fuq minn 60 sena. Programm ta’ din ix-xorta jgħin biex jekk xi nanniet ikunu qed jieħdu ħsieb in-neputijiet tagħhom minflok joqogħdu jistennewhom jingħataw taħriġ li jservihom tajjeb għal saħħithom.

Din is-sena wkoll ser ikun hemm diversi dixxiplini ġodda fejn l-aktar li qed jiġbdu interess huma l-badminton u l-horse riding, iċ-ċikliżmu, iċ-chess, ir-rugby, il-yoga, l-atletika, it-tennis, l-isquash, iż-żfin, l-arti marzjali u l-ġinnastika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend