Fl-2016 naqas mill-ġdid l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna – One News

Notifiki

Fl-2016 naqas mill-ġdid l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna

Matul l-2016 ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna naqset għal 0.9%, minn 1.2% is-sena ta’ qabel.

Ir-rata tal-għoli tal-ħajja s-sena li għaddiet kienet fost l-inqas osservati mindu bdiet titkejjel l-inflazzjoni bil-kejl tal-Eurostat 20 sena ilu. Fil-fatt, kien biss fl-2007 u fl-2014 li kienet osservata rata ta’ inflazzjoni marġinalment inqas.

Fi stqarrija l-Gvern innota li filwaqt li fil-bidu tal-leġislatura r-rata ta’ inflazzjoni kienet 3.2%, taħt din l-amministrazzjoni r-rata medja ta’ inflazzjoni kienet ta’ 1%. Tul l-amministrazzjoni preċedenti r-rata medja ta’ l-għoli fil-prezzijiet kienet ta’ 2.8%, jew kważi tlett darbiet ir-rata osservata fl-2016.

Il-politika tal-Gvern preżenti hija r-raġuni ewlenija għalfejn Malta bdiet ikollha rata ta’ inflazzjoni baxxa. Filwaqt li l-Gvern preċedenti għabba lill-familji b’żieda qawwija fil-prezz tal-prodotti essenzjali tad-dawl, ilma, gass u fuel, il-Gvern preżenti naqas dawn il-piżijiet.

Fil-fatt, matul l-aħħar leġislatura l-indiċi tal-prezzijiet tal-elettriku, gass u fuel kien għola bi 76%. Taħt dan il-Gvern, l-indiċi ta’ dawn il-prezzijiet waqa b’24%, frott ir-roħs fil-kontijiet u l-politika ta’ stabbilita fil-prezzijiet tal-fuel. Permezz ta’ dan it-traħħis, il-familji setgħu jieħdu n-nifs.

Il-Gvern qal li dan joħroġ bl-aktar mod ċar mill-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li juru li, filwaqt li taħt l-amministrazzjoni preċedenti kważiżewġ terzi kienu jqisu l-inflazzjoni bħala l-akbar problema għall-familja tagħhom, dan il-proporzjon issa naqas għal kwart.

Temm jgħid li l-Gvern se jibqa jaħdem biex il-ġid ikompli jasal għand kulħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend