Domino Ice u Jaffar Ali fost l-ismijiet tal-2016 f’Malta – One News

Domino Ice u Jaffar Ali fost l-ismijiet tal-2016 f’Malta

Kull ġurnata tara t-twelid ta’ tarbija, tarbija li koppja tkun ilha tistenna għal disa’ xhur, disa’ xhur li fihom isiru ħafna deċiżjonijiet u ħafna drabi jintgħażel l-isem tat-tarbija, isem li jibqa’ għal ħajjitha kollha. Ma jonqosx dak il-battibekk bejn il-koppja, jekk hux se jmorru għall-isem li jogħġob lill-omm jew lill-missier, bħal ngħidu aħna jekk l-isem ikunx ispirat minn xi plejer tal-futbol popolari jew inkella minn xi kantanta.

Fil-lista ta’ ismijiet ta’ trabi li twieldu fl-2016, sibna ismijiet li jispikkaw iktar minn oħrajn, jew aħjar ngħidu, ismijiet mhux daqshekk tradizzjonali. Fost oħrajn sibna l-isem DOMINO-ICE, isem li l-ewwel ħaġa li jgħidlek Google dwaru huwa li hawn ġelat proprju msemmi hekk, minn jaf, forsi din it-tarbija kienet frott ta’ lejl romantiku fil-jiem sħan tas-sajf u li l-omm saret taf li qed tistenna tarbija hekk kif ħadet dan il-ġelat u kellha xi ftit turbulenza fl-istonku, assoċjata mal-ewwel jiem ta’ tqala.

Isem ieħor li mhux tas-soltu kien KITTY VIOLETTA, dan l-isem huwa ta’ pupa b’xagħarha vjola li fost oħrajn tinbiegħ b’kappell ta’ Hello Kitty. Jidher li l-isem huwa ispirat minn din il-pupa li bla dubju se tkun qed tirċievi, xi darba jew oħra, bħala rigal din iċ-ċkejkna.

Isem ieħor, din id-darba maskili, li huwa sinonimu ma’ dawk li jħobbu l-films ta’ Disney huwa JAFFAR ALI. Jaffar huwa isem użat fil-film Aladdin, għall-karattru li fl-istorja ried li dan il-karattru tant maħbub fost it-tfal ma jsirx prinċep u għalhekk kien jagħmel minn kollox biex joqtlu. Normalment, minn dawn il-films jintgħażlu l-ismijiet tal-prinċep u tal-prinċipessa, iżda jidher li din il-koppja xtaqet li t-tifel ikollu isem li jissuġġerixxi li huwa sod u ta’ min joqgħod attent minnu. Dan ma kienx l-unika isem sinonimu mad-dinja tal-films. Tifla li twieldet din is-sena ngħatat l-isem ta’ AURORA, li kien l-isem ta’ Sleeping Beauty, tfajla l-ġmiel tagħha.

‘Aria’, ‘Vera’, hawnhekk mhux qed nirreferu għal xi prodott li tnaddaf bih, iżda dawn huma żewġ ismijiet li ngħataw lil żewġ trabi din is-sena. L-isem ARIA seta’ ngħata għal ħafna raġunijiet, fost oħrajn bħala simbolu ta’ xi ħaġa pura u naturali, jew inkella l-koppja kienet issegwi s-serje tant popolari “Pretty Little Liars” u semmew it-tifla tagħhom għall-karattru ewlieni. VERA se jkollha ftit problemi meta jkollha diskussjoni f’Malta, għaliex meta n-nies ikunu qed jużaw din il-kelma biex jesprimu ruħhom, se taħseb li qed isejħulha. Is-sitwazzjoni tikkumplika ruħha, jekk iċ-ċkejkna kunjomha ‘Theuma’.

U jekk ngħidu TOMA – x’jiġik f’moħħok? Quddiemi nara platt bnin tal-ikel u t-‘toma’ tajba li jħallilek wara, iżda mhux kulħadd jaħsibha bħali. L-isem ‘Toma’ kien ukoll isem magħżul minn koppja din is-sena. Din id-darba l-anqas Google ma sab il-ħsieb li seta’ kien hemm wara dan l-isem. Kellna l-istess problema bl-isem OLUWATOBIJULO. Żgur li l-koppja ma ħasbitx fil-verżjonijiet differenti li se joħorġu bihom, partikularment, in-nanniet meta jippruvaw jgħajtulu. Għalkemm meta jħares lejn din il-lista forsi wieħed jibda jifhem ukoll xi ftit l-influwenzi tal-fatt li fostna hawn jgħixu persuni minn diversi ġnus.

F’din il-lista, nsibu wkoll l-isem SEBA. Tgħid it-tarbija twieldet fis-seba’ jum tax-xahar? Iżda hemm preżunzjonijiet oħra li jistgħu jkunu l-ħsieb wara dan l-isem. In-numru sebgħa jissemma ħafna fil-kultura tagħna, fosthom fil-qwiel li nużaw fl-ilsien Malti,.Jista’ jkun li mit-twelid din it-tarbija jew kienet imqarba daqs seba’ mija jew inkella trid seba’ għajnejn biex tħares lejha. Min jaf forsi kienet ukoll is-seba’ tarbija għall-koppja jew inkella s-seba’ sena li ilhom jafu lil xulxin.

L-influwenza tal-kantanti

Ma jonqsux l-isem tal-kantanti li għalihom jissemmew it-tfal. Din is-sena kienu l-ismijiet ADELE, ARIANA u ENYA li ngħataw lil trabi tat-twelid u li kienu ispirati minn kantanti popolari ferm fid-dinja mużikali. Iżda ma kinux l-ismijiet ta’ kantanti internazzjonali biss li għamluha f’din il-lista, jidher li l-Malta Eurovision li tant hu għall-qalb il-Maltin ukoll influwenza lill-ġenituri. Fost oħrajn insibu l-isem IRA, għall-kantanta Ira Losco li din is-sena wkoll kellha l-ewwel wild tagħha, u l-isem AMBER għall-kantanta Amber Bondin li wkoll irrappreżentat lil pajjiżna. Mat-tema tal-Eurovision, jista’ jagħti l-każ ukoll li l-isem PHOENIX ġej mill-isem tal-kanzunetta li tant ħolqot polemika – ‘Rise like a Phoenix’ li nassoċjawha mal-kantant li libes libsa u ħalla l-leħja. Fuq l-istess nota mużikali nsibu wkoll ‘BLUE’ ‘IVY’ – Dan huwa l-isem li ngħata lit-tifla ta’ Beyonce, iżda f’pajjiżna l-isem BLUE u l-isem IVY ingħata lil żewġ trabi differenti.

Isem ieħor li jfakkarna fil-‘Blue’ huwa fost oħrajn l-isem BEPPE. Għal Fenech Adami tgħid? Min jaf. Jidher li mhux l-iben biss ħalla impatt, iżda anke missieru għaliex tarbija oħra ngħatat l-isem ta’ EDDIE. B’xorti tajba għal dan it-tifel ma’ ismu għandu wkoll it-tieni wieħed, li huwa Louis.

Il-familja rjali

Ir-Reġina tal-Ingilterra u l-familja rjali mhux se jieħdu għalihom. Sibna wkoll l-isem CHARLOTTE u l-isem HARRY. Iżda dawn ma kinux l-unika Ingliżi li għamluha f’din il-lista għaliex għandna ukoll tifla msemmija ABBEY bħall-kanzunetta tant popolari tal-grupp Beatles.

L-għalliema fil-klassi, jibqgħu bl-istess problema, meta għal sena oħra ħafna ismijiet ikkumplikati għall-bniet baqgħu popolari, fosthom dawn: DANZAYA, FAWZIA, KELEZYA, GWENAELLE, MACKAYZI, SHAZALEAH U SHEZLOAN. Iżda l-ħsieb wara dawn inħalluh f’idejkom.

Insibu wkoll l-influwenza Taljana fuq din il-gżira, li qed tkompli tiddomina fl-ismijiet. Fosthom insibu CANDELA u LUNA ROSSA li quddiem għajnejna jpinġulna x-xena ta’ imħabba ta’ flixkun inbid taħt id-dawl tal-qamar u dik ix-xemgħa mixgħula li tagħti xeħta romantika. Tgħid meta jikbru jkunu romantiċi?

‘YAYA’ u ‘ZARA’ kienu żewġ ismijiet oħra li jispikkaw.Jista’ jagħti l-każ li l-omm ta’ ZARA tħobb ħafna l-moda u l-ħwejjeġ, tant li riedet isemmi t-tarbija tagħha proprju għal din id-ditta filwaqt li l-isem YAYA huwa ispirat mill-plejer ta’ Manchester City Yaya Touré. Dan ma kienx l-unika isem mix-xena sportiva. Insibu ukoll DIEGO, għal Diego Maradona u CHELSEA għat-tim Ingliż.

Iżda l-isem HOPE biss jagħtina t-tama, li dawn it-trabi jkollhom futur mill-isbaħ minkejja l-ħafna ismijiet mhux tas-soltu.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. The Hebrew word zara means “seed”, which appears to predate the Arabic and Russian meanings. In Arabic, Zara means star or flower, and is sometimes spelled Zahra. In Russian, Zara means princess. Some people believe that Zara is a form of Sarah. Famous real-life people named Zara.
    Broaden your horizons and conduct some simple research outside the box – Zara means much more than a fashion brand.. and how is Beppe solely related to a nationalist politician? Vera can also be pronounced the English way you know …

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend