Il-Maltin f’burdata tajba – One News

Notifiki

Il-Maltin f’burdata tajba

L-istħarriġ tal-Eurobarometer, li b’mod xjentifiku jipprova jistħarreġ il-burdata taċ-ċittadini fil-pajjiżi Ewropej, sab li dik tal-Maltin hija waħda tajba. Dan għax jemmnu li pajjiżhom miexi fid-direzzjoni t-tajba. Xi ħaġa li skont analiżi tal-KullĦadd kienet differenti sal-2012 l-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.

L-istħarriġ wera li 81% tal-Maltin intervistati qalu li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb. Dan huwa d-doppju ta’ dawk li wieġbu bl-istess mod fiż-Żona Ewro fejn hija l-minoranza taċ-ċittadini li jemmnu dan. Huwa wkoll differenti ħafna mill-istħarriġ tax-xitwa 2012, l-aħħar wieħed ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista. Filwaqt li dakinhar 53% kienu wieġbu li l-ekonomija sejra ħażin, illum huma biss 9% tal-Maltin li jemmnu hekk.

Dejjem skont il-Maltin li wieġbu l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, jirriżulta li l-qagħda ekonomika tajba qed tirrifletti fost il-familji  tant li 82% tal-familji wieġbu li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tagħhom hija tajba. Dan meta sa erba’ snin ilu kien hemm id-doppju tal-familji li hemm illum li sostnew li l-qagħda finanzjarja ta’ familthom ma kinitx dik mixtieqa. Għal darb’oħra, ir-rata ta’ Maltin li wieġbu b’mod pożittiv tisboq bil-kbir dik taż-Żona Ewro.

Fuq kollox il-Maltin qed ibassru li s-sitwazzjoni tagħhom se tkompli titjieb fit-tnax–il xahar li ġejjin.

L-istess jekk inħarsu lejn il-qagħda tal-impjiegi. 75% tal-Maltin jemmnu li s-settur tal-impjiegi sejjer tajjeb. Dan meta skont l-aħħar stħarriġ taħt l-amministrazzjoni preċedenti 50% tal-Maltin kienu jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer ħażin.

Dan l-istħarriġ jimmarka sena fejn iddomina l-ottimiżmu u s-sens ta’ rieda li fil-pajjiż l-affarijiet ikomplu jinbidlu għall-aħjar.

Waqt li fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija u 40% mbeżżgħa mill-inflazzjoni, illum dan il-proporzjon waqa’ għal 4% u 25% rispettivament.

Filwaqt li fl-2012, 24% ta’ dawk intervistati kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali, dan issa naqas għal 3% biss. U f’pajjiżna hawn l-anqas biża’ dwar il-qgħad fost il-familji madwar l-UE.

59% ta’ dawk intervistati din is-sena sostnew li l-affarijiet f’pajjiżna sejrin fid-direzzjoni t-tajba.

Dan huwa d-doppju tal-medja taċ-ċittadini li jaħsbuha hekk fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Huma biss 21% li jaħsbu li sejrin fid-direzzjoni l-ħażina, l-inqas rata fost il-pajjiżi kollha. Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali meta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien qed isostni li ma hemmx bżonn bidla fid-direzzjoni, kienu biss 30% ta’ dawk intervistati fil-Eurobarometer li kienu jaqblu li l-affarijiet sejrin tajjeb f’pajjiżna. 46% kienu jemmnu eżatt bil-kontra.

Minkejja dan, Simon Busuttil kien isostni li pajjiżna kellu jibqa’ jitmexxa fid-direzzjoni li kien qabad. Fost oħrajn fis-17 ta’ Frar 2013 kien iddikjara: “Dan mhux mument li narmu l-futur tagħna. U hekk jista’ jiġri jekk tliet ġimgħat oħra nagħżlu li nbiddlu d-direzzjoni kif qiegħed jagħmliha ċara l-Partit Laburista. Inkunu qed inbiddlu d-direzzjoni minn waħda tajba għal direzzjoni ħażina.”

Fl-2012 kienu 34% biss tal-Maltin li jafdaw lill-Gvern, mentri 52% kienu sostnew li m’għandhomx fiducja fih. L-aħħar Eurobarometer juri li s-sitwazzjoni issa nqalbet totalment. 52%, il-maġġoranza, għandhom fiduċja fil-Gvern, mentri 36% biss ma jafdawhx. F’Malta l-Gvern huwa fdat iktar minn kemm huma fdati l-mezzi tax-xandir.

B’hekk l-aħħar Eurobarometer jikkonferma l-appoġġ qawwi li l-familji Maltin u Għawdxin qed juru għall-politika mħaddna mill-Gvern, kif ukoll l-ottimiżmu rigward il-qasam ekonomiku.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend