Moussa Saha u Ahmed Ali, wieġbu mhux ħatja li wettqu l-hijack tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Afriqiyah. Fil-Qorti ż-żewġ Libjani ġew akkużati li ħatfu l-ajruplan li għamel l-inżul tiegħu f’pajjiżna nhar il-Ġimgħa.
L-imputati ma għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest dan hekk kif fil-preżent m’għandhomx residenza fejn jgħixu f’Malta. Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali u ħafna mix-xhieda li kienu abbord din it-tijira, xhedu f’din l-inkjesta.
Il-Qorti tat rakomandazzjoni lid-Direttur tal-faċilitá Korettiva ta’ Kordin jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-familjari tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom.
Iż-żewġ persuni qed ikunu akkużati li b’mod gravi intimidaw popolazzjoni filwaqt li ġiegħlu Gvern jew organizazzjonijiet internazzjonali milli jwettqu xi att u gravament jiddestabilizzaw l-istrutturi fundamentali politiċi ekonomiċi u soċjali. Kienu akkużati wkoll li kienu qed jagħmlu servizz illegali b’theddida ta’ forza u b’forma ta’ intimidazzjoni. Il-Libjani qed jiġu akkużati wkoll li fil-pussess tagħhom kellhom repliki ta’arma tan-nar. L-imputati jistgħu jeħlu għomorhom il-ħabs.
Fil-Qorti assista lill-imputat Ali Ahmed Lano Ali l-avukat Dr Patrick Valentino filwaqt li Moussa Shaha Ali ngħata l-assistenza legali mill-avukat Dr Mark Mifsud Cutajar. L-imputati fil-Qorti kellhom interpretu u semgħu l-akkużi miġjuba kontrihom.
L-imputati kienu eskortati lejn il-Faċilitá Korettiva ta’ Kordin taħt sigurtá stretta.
L-ajruplan maħtuf kellu jagħmel vjaġġ bejn Tripoli u Sabha u abbord kien hemm mija u ħdax-il passiġġier. Il-Libjani kienu qed jinżammu arrestati u ma bdewx jikkoperaw mal-investigaturi, b’imkejjen qrib l-investigazzjoni jsostnu li sa tard ilbieraħ wara nofsinhar ma kienux lissnu mqar kelma waħda.