IKKONFERMAT: indħil politiku fil-każ tal-HSBC tal-Belt li sewa l-miljuni – One News

Notifiki

IKKONFERMAT: indħil politiku fil-każ tal-HSBC tal-Belt li sewa l-miljuni

  • L-Uffiċju tal-Prim Ministru fi żmien Gonzi kien kruċjali biex inxtrat art kontra l-parir tal-esperti
  • Inħatar grupp ta’ negozjar li nnegozja ħażin
  • Kienet akkwistata art b’dubji serji dwar kemm il-Gvern ħa valur għal flusu

F’Ġunju 2015, erba membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi talbu lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-akkwist ta’ enfitewsi temporanja ta’ binja fi Triq ir-Repubblika, u x-xiri ta’ żewġ binjiet oħra fl-istess triq. Dawn kienu konnessi bejniethom u bieb ma’ bieb. 

Fl-2011, l-għan tal-Gvern tal-ġurnata kien ir-rilokazzjoni ta’ entitajiet li kienu jaħdmu mill-Palazz tal-President. Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien qabbad lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-artijiet biex jara li din ir-rilokazzjoni issir. Negozjati bejn il-Gvern u l-HSBC, għand min kienu l-propjetajiet, ikkonkludew f’April 2013, meta l-bank aċċetta l-offerta tal-Gvern: €2,360,000.

Iżda minkejja n-negozjati suppost studjati, aktar tard bdew ħierġin problemi relatati mal-binja, b’mod partikolari b’rabta mas-sistemi mekkaniċi u elettriċi. Minħabba dan il-punt, in-negozjati bejn il-Gvern u l-HSBC waqfu, bis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi jindika bil-kitba li ma jirrakkomandax li l-Gvern jidħol għax-xiri. F’Diċembru 2011, intlaħaq ftehim għat-trasferiment tal-propjetajiet għand il-Gvern, għal €2,220,000.

 L-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali qal li l-proċess ta’ identifikazzjoni tal-propjetajiet ma kienx trasparenti u minkejja li l-kwistjoni dwar ix-xiri ta’ dawn il-propjetajiet kienet tqajmet f’livell ta’ Kabinett, ma setax ikun hemm verifiki minħabba n-nuqqas ta’ livell ta’ skrutinju fejn jidħol akwist ta’ dan it-tip mill-Gvern tal-ġurnata.

L-Uffiċju tal-Awditur innota li filwaqt li huwa minnu li kien twaqqaf grupp biex imexxi n-negozjati, kien hemm nuqqasijiet kbar fejn tidħol dokumentazzjoni miksuba minn dan il-grupp, li wassal għal problemi kbar f’dik li hija kontabiltà tiegħu stess. Dan il-grupp naqas milli jidentifika l-vera kundizzjoni tal-binjiet, u b’hekk immina b’mod serju u b’mod negattiv il-kapaċità tal-Gvern li jinnegozja.

L-Uffiċju tal-Awditur iqajjem dubji dwar jekk il-propjetà inxtratx mod li ta’ valur għall-flus il-Gvern. Dubju li ma kienx ikun tqajjem kieku l-proċess ta’ akwist kien aktar miftuh u kompetittiv. L-Uffiċju jirreferi għall-ispejjeż li l-Gvern kellu jidħol għalihom għal xogħol ta’ restwar, liema spejjeż naqqru mill-valur għall-flus. Meta wieħed iqis li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien jaf li tal-inqas propjetà minnhom kienet meħtieġa sal-2023, il-kunċett ta’ valur għall-flus il-poplu jikseb aktar rilevanza.

Mitlub jinvestiga kienx hemm pressjoni politika, l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali qal li r-rwol tal-Uffiċju tal-Prim Ministru kien kruċjali fl-identifikar tal-propjetajiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend