Il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għall-qasam tal-Intern ippreżentati lill-Balkani tal-Punent – One News

Notifiki

Il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għall-qasam tal-Intern ippreżentati lill-Balkani tal-Punent

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, ippreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija fil-qrib tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-qasam tal-Intern waqt il-Forum Ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Il-konferenza ġiet organizzata fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2017 f’Brdo pri Kranju, fl-Islovenja, mill-Presidenza Slovakka tal-UE bl-appoġġ tal-Islovenja u f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea. Din hija laqgħa li ssir fuq bażi regolari minħabba l-interess kbir li għandhom kemm l-UE kif ukoll ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent fit-tisħiħ tal-koperazzjoni u fil-qsim tal-aħjar prattika fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni fl-oqsma tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni. 

L-aġenda tal-laqgħa kienet tinkludi diskussjonijiet dwar il-koperazzjoni operazzjonali f’materji bħall-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri, u l-koperazzjoni fuq is-sigurtà interna tal-Ewropa, inklużi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar tal-armi tan-nar. Ħadu sehem Ministri mill-Albanija, mill-Bożnija-Ħerżegovina, mill-Kosovo, minn dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mill-Montenegro, mis-Serbja, mill-Islovenja bħala l-pajjiż ospitanti, mill-Islovakkja bħala l-Presidenza ta’ bħalissa tal-UE, minn Malta bħala l-Presidenza li jmiss, u mill-Estonja bħala l-Presidenza ta’ wara Malta. Attendew ukoll, fost l-oħrajn, il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, u l-Kummissarju Ewropew għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King.

Il-Ministru Abela qal li, bla dubju, l-isfidi li jġibu magħhom il-migrazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà se jwasslu biex jibqgħu fuq nett tal-aġenda tal-UE fl-ewwel sitt xhur tal-2017. Żied jgħid li Malta qed taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza Slovakka li issa waslet fl-aħħar, u se tibqa’ tibni fuq ir-riżultati miksubin mis-Slovakki f’dan il-qasam.

“Il-Presidenza Maltija se tappoġġja l-isforzi meħudin fir-reġjuni differenti tal-UE bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-aktar kwistjonijiet urġenti li għandha quddiemha l-Ewropa. Dan se tagħmlu mhux biss għax huwa element intrinsiku fl-irwol tal-Presidenza, iżda wkoll għax fl-aħħar mill-aħħar, direttament jew indirettament, l-Istati Membri jiġu affettwati kollha kemm huma. Huwa tenna dak li qal fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fi Brussell il-ġimgħa l-oħra,  li l-isfidi komuni jistgħu jingħelbu biss b’soluzzjonijiet komuni.

Fil-marġini tal-forum, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Intern tal-Islovenja, Vesna Györkös Žnidar, fid-dawl tal-Presidenza Maltija tal-UE.

Ritratt: MHAS

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend