Effiċjenza fl-enerġija tista’ tgħin nies joħorġu mill-faqar – Miriam Dalli – One News

Notifiki

Effiċjenza fl-enerġija tista’ tgħin nies joħorġu mill-faqar – Miriam Dalli

  • Il-Parlament Ewropew jiddiskuti t-triq ‘l quddiem għas-settur tal-enerġija

F’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Kumitat tal-Ambjent tal-Parlament Ewropew, l-MEP Maltija Miriam Dalli sejħet għal miri ambizzjużi li tassew jistgħu jindirizzaw it-Tibdil tal-Klima u jnaqqsu l-użu ta’ fjuwils li jniġġżu.

Dr Dalli indirizzat is-sessjoni plenarja li għaddejja bħalissa fi Strasburgu, fejn qed jiġu diskussi proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea bl-għan li l-Unjoni Ewropea timxi lejn enerġija nadifa mingħajr ma tikkomprometti l-kompetitivita’.

Waqt id-diskors tagħha, Miriam Dalli iffukat fuq l-effiċjenza tal-enerġija u l-miri ta’ enerġija rinnovabbli.

“Enerġija effiċjenti tista terfa miljuni ta’ nies fl-Unjoni Ewropea mill-faqar, tnaqqas l-emissjonijiet u toħloq l-impjiegi. Irridu niżguraw ukoll li l-miri tal-enerġija rinnovabbli jkunu ambizzjuzi b’tali mod li jkomplu jibnu fuq il-progress li sar matul il-COP21,” qalet Miriam Dalli.

L-MEP Laburista rrimarkat li m’għandha titħalla l-ebda lakuna favur aktar użu tal-faħam jew fjuwils oħra li jniġġżu.

“Hu opportun li nieħdu l-okkażjoni u mill-kliem ngħaddu għal fatti, u b’hekk inkomplu nibnu fuq is-suċċess tal-ftehim ta’ Pariġi. Irridu noffru risposta adegwata liċ-ċittadini tagħna meta dawn jitolbu prattiċi li jwasslu għal arja u enerġija aktar nadifa,” qalet Dr Dalli.

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, taħt il-pakkeġġ ‘Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha’ jinkludu 8 proposti leġislattivi li se jkunu negozjati matul is-sentejn li ġejjin. Dawn jinkludu l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini, id-direttiva tal-effiċjenza fl-Enerġija, prezzijiet tal-enerġija, enerġija rinnovabbli u eco-design, u s-sostenibilita’ tal-bio-enerġija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend