F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbret sejħa għal Transport Malta u l-Kunsilli Lokali fejn dawn se jkunu qed jingħataw iċ-ċans li japplikaw għal fondi li se jkunu qed jintużaw għall-manutenzjoni ta’ toroq rurali.
Skema b’€10 miljuni disponibbli grazzi għall-Programm għall-Izvilupp Rurali għal Malta 2014-2020.
Din l-iskema għandha l-għan li minbarra li tirranġa t-toroq li jgħaqqdu lokalità m’oħra, ittejjeb ukoll l-aċċess għall-azjendi agrikoli.
Bl-istess sejħa li kienet saret fl-2013 tranġaw aktar minn sebgħin triq.
Il-konferenza tal-aħbarijiet li saret f’waħda minn dawn it-toroq, proprju Triq it-12 ta’ Mejju li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ mar-Rabat, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, tenna l-għatx kbir li jeżisti għal dawn il-fondi.
Saħaq li s-sejħa hija speċifikament għal toroq eżistenti li jinsabu fi stat ħażin u li għandhom bżonn titjib.
Ian Borg qal ukoll li l-għajnuna li se tingħata minn dawn il-fondi għal kull proġett hija ta’ 90%, jiġifieri Transport Malta jew il-Kunsill Lokali rispettiv iridu joħorġu l-10% l-oħra li jikkumplimentaw il-fondi mogħtija minn din l-iskema.
Dawk kollha interessati japplikaw jistgħu jagħmlu dan sa nofs Frar.