Rakkont ta’ Father Christmas wara li tifel miet f’dirgħajh – One News

Notifiki

Rakkont ta’ Father Christmas wara li tifel miet f’dirgħajh

Ix-xewqa ta’ tifel ta’ ħames snin, li kien marid b’marda terminali, kienet li jara lil San Niklaw, u kif  dan qata’ xewqtu ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu u miet f’idejh.

Waqt dawn iż-żminijiet ta’ festi, Eric Schmitt-Matzen, jieħu gost jilbes ta’ San Niklaw biex iferraħ lit-tfal, iżda minn tant okkażjonijiet li attenda waħda li qatt ma jinsa kienet meta ltaqa’ ma tifel ċkejken l-isptar fTennessee.

Eric irrakkonta kif darba minnhom tard bil-lejl irċieva telefonata mingħand infermiera li taħdem fl-isptar fejn Eric, li għandu 60 sena,  kien ta’ spiss iżur biex iferraħ lit-tfal fil-Milied. L-infermiera waqt li kienet fuq il-linja ma’ Eric qaltlu li “hemm tifel ta’ ħames snin li bħalissa jinsab vera ma jiflaħx u x-xewqa tiegħu hi li jara lil San Niklaw.”

Hu sostna li kif sema’ hekk qal lill-infermiera li se jilbes il-kustum u jinżel dritt l-isptar iżda l-infermiera qaltlu li dan it-tifel ma tantx fadallu ħajja u li jaf ma jilħqux.

“Aqbad u ejja malajr, toqgħodx tinkwieta fuq il-kostum!” qaltlu l-infermiera.

Fi ħmistax-il minuta Eric wasal l-isptar, omm it-tifel tagħtu ġugarell ċkejken biex Eric ikun jista’ jagħti dan il-ġugarell f’isem San Niklaw lit-tifel tagħha.

Eric qal kif qabel ma daħal wissa lil ta’ madwaru “Jekk tkunu se tibku, oħorġu mill-kamra. Jekk narakom tibku nispiċċa ninfaqa’ jien u ma nkunx nista’ nagħmel xogħoli.”

Hekk kif il-familjari segwew dan l-avveniment minn wara t-tieqa tal-emerġenza bid-dmugħ f’għajnejhom, Eric daħal fil-kamra ħdejn it-tifel li mill-ewwel daqqa t’għajn seta’ jinduna li ma kienx f’saħħa tajba.

“Poġġejt fuq is-sodda ħdejh u staqsejtu; xi smajt jien li mhux se tkun qed tiċċelebra l-Milied? Ma jistax ikun li titlef il-Milied! Int l-aqwa elf li għandi!”

It-tifel b’għajnejn kbar ħares lejn Eric u qallu “Vera?”

Minn hemm Eric assigura lit-tifel li verament hu u tah il-ġugarell.

“Tant kien fraġli li lanqas biss felaħ jiftaħ ir-rigal, iżda kif irnexxielu tbissem tbissima mill-akbar.”

It-tifel wara staqsieh u qallu “Qed jgħidu li se mmut. Kif se nkun naf li wasalt fejn għandi nasal?”

Eric qallu “Meta tasal, għidilhom li int l-aqwa elf ta’ San Niklaw, u naf fiċ-ċert li jħalluk tidħol!”

Minn hemm bi tbissima t-tifel qam bilqiegħeda u għannaq lil Eric u staqsieh l-aħħar mistoqsija “Santa, tista’ tgħini?”

“Dawwart idi madwaru. Qabel ma tagħni ċans ngħid kelma, miet.” Kompla jirrakkonta Eric. “Żammejt idi madwaru u ma ridtx nitilqu.”

Minn hemm il-familjari ndunaw x’kien ġara, u minn hemm l-omm daħlet tiġri tibki.

“Minn hemm għaddejtilha lit-tifel u ħriġt niġri ‘l barra. Għamilt erba’ snin fl-armata u rajt ħafna affarijiet, iżda ġrejt minn ħdejn l-infermiera kollha nibki qisni wieħed miġnun.”

“Għamilt tliet ijiem lanqas naf x’jien nagħmel. Domt sakemm waqaft naħseb fuq dan l-episodju kuljum b’mod kontinwu.”

Eric tant kien affetwat li kien qed jikkunsidra li jieqaf milli jilbes ta’ San Niklaw, iżda ddeċieda li jilbes għall-aħħar darba u minn hemm induna x’kien li ispirah biex beda jilbes ta’ San Niklaw,

“Kif rajt dawk l-uċuh kollha ta’ tfal jitbissmu, erġajt iddeċidejt li din ma tistax tkun l-aħħar darba li nilbes. Indunajt l-irwol importanti li għandi,” temm jgħid Eric.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend