L-ewwel Kummissarju għall-Anzjani – One News

L-ewwel Kummissarju għall-Anzjani

Helen Mallia se jkollha rwol indipendenti li tippromwovi u taqbeż għad-drittijiet u l-interessi tal-anzjani, tħarishom u telimina d-diskriminazzjoni kontrihom. Dan sabiex iħossuhom ċerti li qed jingħataw dak li jistħoqqilhom bi dritt skont id-dinjità sħiħa tagħhom.

Helen Mallia se tkun l-ewwel Kummissarju għall-Anzjani  – li se twieġeb lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jiġifieri l-Parlament.

Illum waranofsinhar Helen Mallia kienet ippreżentata flimkien mal-Kunsill imwaqqaf skont il-liġi, u li huwa magħmul minn sitt persuni oħra.

Il-Kummissarju magħżula ma ntgħażlitx biss għax hija mara imma għaliex hija wkoll anzjana attivista fil-qasam tal-anzjani; bi sfond trejdunjonistiku u determinata li toffri garanzija ta’ ħarsien xieraq.

Filfatt meta mistoqsija dwar x’inhuma l-prijoritajiet tagħha f’dan l-irwol il-ġdid, tkellmet dwar dawk l-anzjani li jixtiequ jibqgħu fid-dinja tax-xogħol fejn qalet li min jiflaħ ikompli fid-dinja tax-xogħol ikollu fejn jista’ jaħdem u jaħdem mingħajr diskriminazzjoni u preferenzi kontra tiegħu.

Hija tenniet li se tkun qed tippromwovi l-protezzjoni tal-anzjani minn kwalunkwe abbuż, ħsara, trattament mhux xieraq, negliġenza u sfruttament fi kwalunkwe forma.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, sostniet li l-Kummissarju hija fid-dmir li tippromwovi u tissalvagwardja l-interessi tal-anzjani u tinvestiga kwalunkwe allegat ksur jew dak potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem fost l-anzjani.

Justyne Caruana fissret ukoll kif xogħol il-Kummissarju se jkun wieħed indipendenti u m’għandhiex tkun soġġett għad-direzzjoni jew il-kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità oħra.

Il-Kummissarju se tkun ukoll membru tal-Awtorità proposta dwar l-istandards tad-djar tal-anzjani.

Intant, bħalissa għaddejjin l-aħħar proċessi biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju jibda ħidmietu kemm jista’ jkun malajr.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend