L-AUM tfittex l-akkademiċi, se jibda t-tagħlim – One News

L-AUM tfittex l-akkademiċi, se jibda t-tagħlim

L-Università Amerikana ta’ Malta qed tħejji għall-ewwel sena akkademika tagħha tant li ta’ spiss fil-ġurnali qed jidhru reklami li jsejħu għall-akkademiċi biex jaħdmu ma’ din l-istituzzjoni.

Bl-ewwel kampus li se jintuża se jkun dak f’Bormla fejn issa x-xogħol avvanza sew.

“Għaliex ninsabu fl-ewwel stadji tagħna għandna bżonn dik il-persuna speċjali,” tgħid l-AUM fis-sejħa tagħha.

It-tagħlim jibda s-sena d-dieħla u l-akkademiċi qed ikunu mfittxija fl-Ingliż, l-Istorja, il-Matematika, il-Bioloġija, iċ-Ċiniż u l-Finanzi u l-Inġinerija fost oħrajn.

F’ħafna każi qed jintalab li min japplika jkollu dottorat u dawk li għalmu f’Università Amerikana jew bi stil Amerikan jingħataw preferenza.

Ma’ dawn l-Università qed tfittex karigi oħra amministrattivi, fosthom b’rabta mar-riżorsi umani u l-immaniġjar tal-post. Dan kollu b’benfiċċji u salajri kompettitivi.

B’hekk hija pass eqreb il-ħolma ta’ Università fin-nofsinhar ta’ Malta bil-kampus ta’ Wied il-Għajn jibda jaħdem wara dak ta’ Bormla.

L-Università Amerikana ta’ Malta li qed issir b’investiment miljunarju u wara li ħejjiet programmi ma’ esperti mid-De Paule University tal-Istati Uniti kisbet il-liċenzja wara proċess rigoruż mill-Kunsill Nazzjonali għall-Edukazzjoni Għolja.

Meta l-proġett ikun qed jaħdem b’mod sħiħ mistennija jiġu lejn Malta mal-erbat elef studenti u miljuni ta’ ewro jkunu ġġenerati fl-ekonomija kull sena. Dan filwaqt li se jinħolqu mijiet ta’ impjiegi f’żoni li fl-imgħoddi ftit li xejn kienu jintgħażlu għall-proġetti ta’ dan it-tip.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend