• L-Awditur Ġenerali: “Ħalluna naħdmu bil-kwiet”
• Jintalab ruling tal-ispeaker
Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, qal li fil-kwistjoni dwar il-kuntratti bejn il-Gvern u l-Vitals Health Group il-kura tal-pazjent mhix it-tħassib ewlieni tagħhom.
Hu ddikjara dan fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li ddiskuta t-talba tal-Union Ħaddiema Magħqudin u l-istess Malta Medical Association biex l-istess kumitat jiddiskuti l-kuntratti bejn il-Gvern u l-Vital Global Health Care Malta. Diskussjoni li jriduha tkun segwita b’rapport tal-Awditur Ġenerali.
Imsejjaħ biex jispjega x-xogħol li għandu quddiemu, l-Awditur Ġenerali iddeskriva bħala mhux ġust kumment fl-ittra tal-MAM u l-UĦM li qalet li jekk ma jkunx hemm rapport tal-Awditur Ġenerali ma jiffirmawx il-ftehim b’rabta ma’ dan il-proġett. “L-uffiċċju tagħna għandu jitħalla jaħdem bil-kwiet u b’mod professjonali,” qal l-Awditur Ġenerali, Charles Mifsud li spjega kif quddiemu għandu xogħol estensiv.
Il-MAM u l-UĦM għamlu din it-talba minkejja li sal-lum irrifjutaw li jiltaqgħu mal-grupp. Dan minkejja li fl-ittra qalu li ma ngħatawx l-informazzjoni.
Talba simili għamlitha Claudette Buttigieg li riedet li s-suġġett ikun diskuss fil-kumitat parlamentari dwar is-saħħa. “Għall-istess raġunijiet,” qalet Claudette Buttigieg, biex ikkonfermat kemm il-lingwaġġ ta’ dawn iż-żewġ unjins huma l-istess.
Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi qabel li m’għandux ikun hemm żewġ kumitati jiddiskutu l-istess materja. Il-Ministru Owen Bonnici argumenta li l-Kumitat tas-Saħħa jisma’ t-talba hu ladarba waslet għandu l-ewwel u aċċettaha. Iżda, il-membri tal-Oppożizzjoni nsistew li jew ikunu diskussi quddiem il-PAC jew inkella jingħaqdu ż-żewġ kumitati flimkien minkejja li kienet l-istess oppożizzjoni li talbet lill-kumitat tas-saħħa jinvestiga.
Claudette Buttigieg irtirat it-talba tagħha quddiem il-Kumitat tas-Saħħa wara li għamlitha u l-Gvern aċċettaha. Wara kważi sagħtejn ta’ diskussjoni fejn għal ħafna mill-ħin kienu ripetuti l-istess affarijiet il-partijiet baqgħu ma qablux. Fid-dawl li l-membri tal-Gvern qalu li għandu jkompli bl-iskrutinju tiegħu l-kumitat tas-saħħa u dawk tal-oppożizzjoni ma qablux, il-kwistjoni marret għal ruling minn naħa tal-ispeaker.