Sal-2004, f’Malta ma kienx hawn programmi post-graduate dwar l-edukazzjoni bikrija. Riċentament infetħet it-triq għal programm konġunt bejn erba’ Universitajiet Ewropej, inkluż dik Maltija, dwar is-suġġett.
L-International Masters in Early Childhood Education and Care welled ukoll triq ġdida lejn edukazzjoni globalizzata, għax huwa programm offrut minn kulturi differenti, għal kulturi differenti.
Ilum saret taħdita informattiva dwar il-programm IMEC – International Masters in Early Childhood Education and Care, offrut minn erba’ Universitajiet Ewropej: ta’ Malta, l-Università ta’ Gothenburg fl-Iżvezja, Il-Kulleġġ tat-Teknoloġija f’Dublin u l-Università ta’ Oslo.
Fi kliem il-Ministru Evarist Bartolo, “f’Malta mdorrijin ngħixu u naħdmu ma’ ħaddieħor għaliex minħabba d-daqs tagħna bilfors irridu nbiegħu u nixtru mingħand ħaddieħor. Issa qed naħdmu biex fl-edukazzjoni ukoll ikollna setturi internazzjonali pero mhux faċli għaliex trid iġġib universitajiet flimkien, iridu jaqblu flimkien fuq kif se jagħmlu l-programm, kif se jassiguraw li l-programm huwa tajjeb, imma proġett bħal dan wera li iva, jista jsir.”
Il-Ministru qal li l-edukazzjoni bikrija għandha tirrifletti r-realtajiet tal-lum, fejn ħafna żgħażagħ gradwati jew li qed jaspiraw biex jiksbu ċertifikati għoljin qed jimirħu lil hinn minn pajjiżhom.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Alfred Vella, qal li programmi ta’ joint degrees u masters huma kontributuri ewlenin għall-paċi globali speċjalment meta wieħed iqis li fil-każ tal-IMEC, studenti minn pajjiżi terzi ukoll applikaw u lestew il-kors b’suċċes wara li tħalltu ma’ kollegi Ewropej.
Il-Professur Vella temm jgħid li b’dawn il-programmi, l-Ewropa kapaċi toffri daqqa t’id żejda lil pajjiżi oħrajn.