Dik li jgħix Robert Strickland Hornyold hija ħajja ta’ ħabi u theddid. Ħabi dwar dak li jargumenta li hu tiegħu u theddid għax jiġġieled għalih. Strickland Hornyold, qed jiġġieled l-qorti għal wirt ta’ zitu Mable Strickland. Din il-ġimgħa kien ikkonfermat li dokumenti sensittivi dwar dan il- każ, fejn hu jallega li nbidel testment, jinsabu l-pussess tal-familja De Marco.
Iżda, Mario De Marco, li huwa wkoll Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u bniedem b’influwenza t-Times of Malta, organizzazzjoni marbuta intrinsikament ma’ din il-ġrajja, ma jridx jippubblikahom. “M’iniex daqshekk sorpriż li ma jridx jippubblikahom. Dik kienet il- pożizzjoni tiegħu sa mill-bidu. Naħseb ikun imbarazzanti għalih jekk jippubblikahom. Għandu x’jitlef,” jgħid mingħajr ma jdur mal-lewża Strickland f’intervista esklussiva mal-KullĦadd u li qed inxandru fuq dan is-sit.
“Fost oħrajn irċivejt ittra b’theddid mingħand Mario De Marco, fuq karta tal-gvern u rċivejtha ż-żmien meta kien Ministru,” ikompli jiżvela.