Kundizzjoni fil-ġilda b’effett soċjali – One News

Notifiki

Kundizzjoni fil-ġilda b’effett soċjali

Ilbieraħ ra t-twelid mill-ġdid tal-Assoċjazzjoni Maltija għas-Psoriasis, kundizzjoni fil-ġilda li taffettwa sa 3% tal-popolazzjoni Ewropea, inkluż dik Maltija. L-Assoċjazzjoni hija fergħa ta’ dik tad-Dermatoloġija li fundatur tagħha huwa l-Professur Joseph Pace, li spjega l-importanza tal-Assoċjazzjoni tas-Psoriasis li se topera madwar is-sehem tal-pazjenti.

“Għal ħafna snin ippromovejna l-involviment tal-pazjent. Tajjeb li ngħarrfu li dan għandu d-drittijiet tiegħu bħall-aċċess għall-mediċina fil-ħin, imma rridu niftakru wkoll li għandu dover. Dan l-empowerment tal-pazjent sar bażiku ħafna fil-prattika medika,” jgħidilna l-professur.

Il-pazjenti, qrabathom, u min qed jagħtihom il-kura kollha se jkollhom rwol importanti fl-Assoċjazzjoni minkejja ċ-ċokon tagħha.

“Hija unika li jkollok xi ħadd jirrappreżenta l-pazjenti f ’assoċjazzjoni bħal din”. Il-professur Pace spjega kif trid terġa’ titqajjem soċjetà apposta għall-pazjenti fejn dawn ikollhom ċans jitkellmu ma’ xulxin. Semma wkoll ċertu sterjotipi li sfortunatament f ’pajjiżna għadhom jeżistu fil-konfront ta’ persuni b’ xi kundizzjoni fil-ġilda.

“Pereżempju fl-iskejjel malajr jinħolqu dawn għaliex neskludu tfal li jidhru li huma ‘morda’, allura hemm bżonn ta’ kampanji edukattivi mill-Assoċjazzjoni. L-informazzjoni hi kollox f ’din il-ħaġa u issa se jkun hemm l-opportunità li noħolqu din il-pjattaforma biex l-informazzjoni ma nġibuhiex biss mill-internet”, spjega Pace. Il-kundizzjoni tas-Psoriasis hija waħda ereditarja, jispjega l-professur.

Wieħed jitwieled bil-ġenetika li tista’ tipper – metti biex ’il quddiem fil-ħajja toħroġ il-kundizzjoni. “Hemm diversi triggers però fit-tfal l-iktar komuni huwa xi attakk fil-griżmejn, pereżempju. Għalkemm m’hemmx fejqan stabbilit għaliha, hemm diversi turġien ta’ trattamenti differenti li wieħed jista’ jieħu skont in-natura tal-kundizzjoni. Hemm ukoll ċertu mediċini li jġiegħluha toħroġ. Kelli każ fejn pazjent ħa mediċina qabel siefer post fejn hemm il-malarja, u qabditu minħabba f ’hekk”.

Is-Psoriasis tista’ tkun ikkontrollata bl-istess mod bħal kundizzjonijet oħra bħaz-zokkor, jew il-pressjoni għolja, anke fl-agħar każijiet. Il-professur semma wkoll li hemm studju li juri li f ’każ estrem din tista’ tikkawża attakk tal-qalb, il-fenomenu ta’ metabolic syndrome.

Iżda l-ikbar element tagħha huwa wieħed soċjali. Pace jiddeskriviha bħala kundizzjoni li tista’ ttellfek mix-xogħol, speċjalment jekk pazjent ikollu xi 80% ta’ ġismu mgħotti. “U għalkemm ma nafux eżatt jekk din hix kawża tas-Psoriasis, jekk wieħed jingħalaq ġewwa ma jmurx direttament man-nies, jispiċċa jsib żvog biss fl-ikel, dan se jirriżulta f ’piż żejjed u allura anke attakki tal-qalb”. B’hekk, jissokkta jgħid Pace, jeħtieġ li din tkun indirizzata fuq diversi livelli. Importanti wieħed jiftakar li din mhix kundizzjoni li tittieħed, però sfortunatament nafu biċ-ċar li pazjenti jaffaċċjaw diskriminjazzjoni xorta waħda.

Il-professur ġab eżempju ċar. Jekk pazjent u persuna mingħajr kundizzjoni fil-ġilda japplikaw għal xogħol u għandhom l-istess kwalifiki, awtomatikament il-persuna mingħajr il-kundizzjoni se tingħata l-opportunità. Naturalment ma hemm xejn pjaċevoli fl-elementi li tikkawża l-kundizzjoni. Dawn huma raxx fil-ġilda, qxur, ħruq, u ħakk eċċessiv li jitfaċċaw l-iktar fil-minkeb jew l-irkoppa u fuq il-qurriegħa. Dan biex ma nsemmux każi estremi fejn taffettwa l-ġisem kollu.

“Fejn jidħol trattament, l-ewwel ma naraw huwa l-kaġun. Nafu li fl-adulti, l-istress huwa kontributur kbir. Però jekk dik tkun ikkawżata minn xi mediċina, jekk twaqqafha hemm ċans kbir li tfiq. Imbagħad naturlament għandek livelli differenti ta’ trattamenti. Għal każi żgħar ħafna, xi ingwent huwa biżżejjed. Fl-iktar każi estremi qed nużaw tilqima li ilha teżisti xi għaxar snin li timmiraha dirett fil-molekula tal-ġilda. Ovvjament din tiswa l-flus allura nagħmluha b’ċertu protokoll. Madanakollu, dejjem trid tara l-benefiċċji u dejjem hemm x’tagħmel”. Intqal ukoll li tista’ toħroġ f ’etajiet differenti, però hija iktar komuni f ’adulti ta’ għoxrin sena jew iktar minħabba raġunijiet ta’ stress.

“L-agħar xenarju huwa jekk titgħatta minn rasek sa saqajk għaliex mingħajr ma trid se tinqata’ mid-dinja. Biex ma nsemmux il-mikrobi li jistgħu jinvaduk jekk ikollok ħafna qsim fil-ġilda”, spjega Pace. Il-professur Pace ikkumenta wkoll dwar il-fatt li għandna tobba jispeċċjalizzaw fid-dermatoloġija li huma mħarrġa tajjeb ferm u fl-istess ħin huma involuti f ’assoċjazzjonijiet mediċi importanti, u jikkontribwixxu kontinwament. Minkejja l-effetti negattivi tal-kundizzjoni, l-Assoċjazzjoni li tnediet ilbieraħ se tħeġġeġ lill-pazjenti biex ma jingħalqux ġo darhom meta għandna ħafna opportunitajiet ta’ trattament utli fl-isptarijiet tagħna.

“Is-suċċess naturalment se jiddependi mill-parteċipazzjoni. Importanti ħafna li l-pazjenti jkollhom stampa ċara tal-implikazzjonijiet kollha. Irridu nibnu fuq dan il-kumitat għaliex hawn ħafna bżonnu”, temm jgħid il-professur.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Grazzi hafna ta’ dan l-artiklu, jekk joghgobkom ma tistawx ittuna xi email address fejn nistghu nikkuntatjaw lil din l-assocjazzjoni, jien persuna li ghandi is-psoriasis. Grazzi ta’ kollox.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend