Fejn se jmorru l-Fondi Ewropej fl-2017? – One News

Notifiki

Fejn se jmorru l-Fondi Ewropej fl-2017?

Tul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim dwar il-baġit tal-Unjoni għas-sena d-dieħla. Baġit deskritt bħala wieħed li jirrifletti bis-sħiħ il-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2017, l-Unjoni Ewropea bi ħsiebha toħroġ kważi €135 biljun filwaqt li ddaħħal iktar minn €157.88 biljun.

Il-fondi se jkunu allokati primarjament biex jindirizzaw il-problema tal-migrazzjoni, fil-fatt għall-2017, l-Unjoni Ewropea allokat kważi sitt biljun ewro għal dan il-għan, iġifieri iktar minn 11% iktar mill-fondi allokati għall-migrazzjoni u s-sigurtá fl-2016.

Il-fondi se jiffinanzjaw proġetti fil-pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti, programmi ta’ rilokazzjoni għall-immigranti, il-ħolqien ta’ ċentri t’ akkoljenza, ir-ritorn ta’ immigranti li mħandhomx dritt t’ ażilju u miżuri t’ integrazzjoni. Il-fondi mistennija jipprovdu iktar riżorsi wkoll għat-tisħiħ tal-fruntieri Ewropej, prevenzjoni tal-kriminalità u terroriżmu.

Prijoritá oħra għall-2017 hija li jiżdied l-investiment, sabiex it-tkabbir ekonomiku jkun stimulat u jinħolqu iktar postijiet tax-xogħol. L-Unjoni Ewropea allokat iktar minn wieħed u għoxrin biljun ewro għal dan il-għan, iġifieri żieda ta’ 12% mill-allokazzjoni ta’ din is-sena.

Dawn il-fondi se jintużaw għall-programmi bħal Erasmus+ li waħedha għandha allokati iktar minn żewġ biljun ewro u għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi li se jkollu tnejn punt sebgħa biljun ewro.

Il-baġit jinkludi wkoll allokazzjoni ta’ ħames mitt miljun ewro għal iniżjattivi li jgħinu żgħażagħ isibu impjieg. Iżda min-naħa l-oħra biex jonqsu l-ispejjeż, il-Kunsill u l-Parlament fakkru lill-istituzzjonijiet kollha li sal-aħħar tal-2017 iridu jnaqqsu l-ħaddiema b’ ħamsa fil-mija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend