Problema ta’ skart skoperta fil-baħar fond madwar il-Gżejjer Maltin – One News

Notifiki

Problema ta’ skart skoperta fil-baħar fond madwar il-Gżejjer Maltin

Xjenzjati mid-Dipartiment tal-Bijoloġija tal-Università ta’ Malta, li huma responsabbli li janalizzaw ir-riżultati, kienu sorpriżi bl-ammont ta’ skart li nnotaw f’qiegħ il-baħar.

Tagħmir tas-sajd mormi kif ukoll plastik, fliexken tal-ħġieġ u oġġetti tal-metall li jinkludu vireg, cables, partijiet tal-karozzi mormija u tankijiet taż-żejt, akkumulaw fil-baħar fond.

B’mod partikulari, komuni f’postijiet madwar l-ixtut sabu xbieki tat-tkarkir, konzijiet tan-nylon u ċangaturi tal-franka bi ħbula sintetiċi li jintużaw fis-sajd għal-lampuki.

Il-kannizzati tal-lampuki huma ankrati ma’ qiegħ il-baħar biċ-ċangaturi tal-franka, u l-ħbula tal-irmiġġ jitqaċċtu u jintremew meta jispiċċa l-istaġun tas-sajd. Iċ-ċangaturi tal-franka, meta jkunu depożitati fil-qiegħ, jistgħu jagħmlu ħsara diretta lill-ispeċi li jgħixu fis-sikek, filwaqt li l-ħbula twal mormija jistgħu jitgħaqqdu ma’ ħlejjaq bħall-ispeċi vulnerabbli ta’ qroll, bħall-qroll ġebli u l-qroll gorgonju li jinsabu fil-fond.

Xlief tan-nylon li jintuża għas-sajd tal-qiegħ bil-konzijiet, biex jistadu  għal speci bħall-marlozz, il-lipp abjad, u l-mazzola, sikwit instabu mgħaqqda fuq is-sikek fil-fond.

Dan wara studju li sar bħala parti mill-proġett LIFE BaĦAR for N2K, f’żewġ spedizzjonijiet li tnehdew fl-2015 u l-2016, ġew mistħarrġa 420,000m² ta’ qiegħ il-baħar fond li jinsab fiż-Żona ta’ Konservazzjoni tas-Sajd (Fisheries Management Zone) ta’ 25 mil nawtiku madwar il-Gżejjer Maltin. Robot ta’ taħt l-ilma, mgħammar b’video camera, intuża biex ġie rrekordjat il-qiegħ sa fond ta’ 1,040m.

Għalkemm l-iskart madwar l-ixtut huwa problema magħrufa, l-ammont li ġie żvelat minn dan l-istħarriġ komprensiv bil-vidjow ta’ żoni li ma kinux ġew esplorati qabel, kien sorprendenti; ġie osservat l-iskart f’kull waħda mill-mitejn għadsa bir-robot ta’ taħt l-ilma, li kien imħaddem mill-organizazzjoni Oceana.

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K għandu bħala għan finali li jiżgura li l-ambjenti naturali vulnerabbli tal-baħar, li jinkludu s-sikek tal-qroll fil-fond, jiksbu protezzjoni permezz li jiġu mwaqqfa siti protetti tal-baħar taħt il-kappa ta’ Natura 2000, in-netwerk tal-Unjoni Ewropea li b’mod kollettiv jissalvagwardja l-inħawi naturali l-iżjed prezzjużi tal-UE.

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K huwa kofinanzjat mill-Programm ta’ Finanzjament UE LIFE+, u huwa mmexxi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima (MSDEC), id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura (DFA), id-Dipartiment tal-Bijoloġija tal-Università ta’ Malta (DoB-UOM) u Oceana bħala msieħba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *