Il-Kabinett kollu fi Brussell – One News

Il-Kabinett kollu fi Brussell

Il-Kabinett tal-Ministri l-ġimgħa d-dieħla se jagħmel jumejn fi Brussels fejn se jsiru laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-fatt li Malta se jkollha l-presidenza tal-unjoni s-sena d-dieħla.

Żvela dan il-whip tal-gvern Godfrey Farrugia f’laqgħa tal-kumitat permanenti dwar ix-xogħol tal-Kamra. F’dawk il-jumejn mhux se jiltaqa’ l-parlament Malti u għax se jintilfu żewġ seduti jista’ jkun hemm bżonn li xi seduti jinbdew qabel is-6pm.

Dr Farrugia qal ukoll li fil-5 ta’ Diċembru għandu jiltaqa’ l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jiddeċiedi dwar il-voti tal-budgets tal-pajjiżi rispettivi. Fid-dawl ta’ dan, il-voti fil-Parlament Malti, dwar il-mozzjonijiet ta’ sfiduċja mressaqa mill-Oppożizzjoni u dwar il-budget ta’ kull ministeru, jittieħdu l-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru f’seduta dovuta kollha kemm hi għalhekk.

Il-programm li żvela Dr Farrugia fih ukoll li l-abbozz dwar il-koabitazzjoni jiġi diskuss nhar it-Tnejn, 14 ta’ Novembru. It-Tnejn ta’ wara, il-21 ta’ Novembru, hemm skedat il-Private Member’s Bill tal-membru parlamentari nazzjonalista Jason Azzopardi li jemenda l-Kodiċi Kriminali.

Hemm ukoll abbozzi ġodda fosthom it-twaqqif ta’ awtorità dwar id-djar tal-persuni anzjani, rapport dwar l-awtorità tal-embrijuni, abbozz li jemenda l-ordinanzja dwar it-traffiku, l-abbozz dewar l-istandard fil-ħajja pubblika, l-immodernizzar tal-Korp tal-Pulizija u l-abbozz dwar il-Bank ta’ Malta dwar l-Iżvilupp.

Tħabbar li l-Parlament se jieqaf għall-vaganzi tax-xitwa fil-21 ta’ Diċembru.
L-ispeaker Anġlu Farrugia ħabbar li fit-8 ta’ Diċembru se ssir żjara mill-president tal-parlament ewropew, Martin Schulz, akkumpanjat mill-mexxejja tal-partiti rappreżentati fil-parlament ewropew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend