Bejn Ottubru 2015 u Ottubru 2016 il-Malta Enterprise approvat rekord ta’ investiment dirett lokali u barrani li jlaħħaq €663 miljun u l-ħolqien ta’ 2,000 impjieg fuq medda ta’ tliet snin.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal fil-parlament l-Malta Enterprise approvat l-allokazzjoni ta’ aktar minn 27 kumpanija b’iktar minn 6,000 metru kwadru ta’ spażju, fil-Life Sciences Park. Kompliet ukoll issaħħaħ u tniedi skemi ġodda ta’ għajnuna għan-negozji
Sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sa Awwissu ta’ din is-sena, il-Malta Industrial Parks allokat aktar minn 335,000 metru kwardu ta’ spażju Industrijali.
Il-Qasam Industrijali tax-Xewkija f’Għawdex ser ikun estiż u madwar 25 intrapriża mistennija jibbenefikaw minn dawn il-proġetti, u b’hekk jinħolqu madwar 150 impjieg ġdid. It-total ta’ dan l-investiment jammonta għal madwar €16-il miljun.
Il-Ministru qal li flok l-ex-Dowty fl-Imrieħel, beda x-xogħol biex dan is-sit isir ċentru għall-manifattura tal-ikel.
Bl-investiment ta’ Crane Currency mhux biss se jkunu offrut impjieg alternattiv għall-ħaddiema tad-De La Rue, imma saħansitra se joffru karrieri ġodda liż-żgħażagħ tal-printing.
Il-gvern jirrikonoxxi li għad hemm diversi sfidi fis-settur tal-manifattura, anke jekk l-impjiegi hawnhekk żdiedu b’2,000.
L-istess kif żdiedet l-esportazzjoni, fejn meta tħalli barra l-fuels u l-lubricants, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena rajna żieda ta’ €360 miljun fuq l-istess perjodu, fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista.
Il-Ministru Cardona tkellem ukoll dwar l-Ease of Doing Business Report tal-Bank Dinji u qal li fl-2012 Malta kienet tinsab fil-102 post; minn dak iż-żmien ’l hawn avvanzajna 26 post, inkluż b’mod sinifikanti b’sitt postijiet matul din is-sena.
Fir-rapport tal-World Economic Forum, Malta kienet il-ħames l-aktar pajjiż minn 138 li rat titjieb fil-klassifikazzjoni tal-kompettività b’avvanz ta’ tmien postijiet, biex issa tinsab fl-40 post.
Malta ġiet fl-ewwel post fejn kellha l-għola rata ta’ persentaġġ ta’ kumpaniji fl-UE li żiedu n-numru ta’ impjegati b’aktar minn 10 fil-mija.
Sar ukoll progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-VAT u tressqu wkoll emendi importanti fl-Att tal-Kumpaniji.
Għall-proġett tal-White Rocks Malta, ġie identifikat proponent preferut li n-negozjati miegħu jibdew dalwaqt. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jattira turiżmu ta’ kwalità superjuri kif ukoll li tinbena lukanda ta’ ħames stilel, b’faċilitajiet u amenitajiet oħra ta’ kwalità superjuri.
Il-Ministru qal l-aktar indiċi riċenti tas-sentiment ekonomiku laħaq il-livell ta’ 114, jew 21% aktar mill-istess xahar fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista.
Pajjiżna rreġistra l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma kemm it-tkabbir ekonomiku qed jinħass, kemm min-negozji kif ukoll mill-familji f’pajjiżna. Dan l-ottimiżmu qawwi qed jissarraf f’aktar investiment u konsum.