Ikla tajba f’Għid tal-Erwieħ – One News

Notifiki

Ikla tajba f’Għid tal-Erwieħ

Heritage Malta se tfakkar tradizzjonijiet popolari tal-mewt tal-erwieħ u l-ħajja wara l-mewt permezz tal-Għid tal-Erwieħ. Din l-attività tinkludi ikla tradizzjonali u tematika fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Fl-isfond ta’ rappreżentazzjoni teatrali tal-biki tan-newwieħa l-ikla hija tradizzjonalment magħrufa bħala dik tal-ħanżira tal-erwieħ. Isimha oriġina minn drawwa lokali f’din l-okkażjoni fejn il-Maltin kienu jħallu ħanżir jiġri fit-toroq b’qanpiena mdendla ma’ għonqu u wara li jismen jinqatel u jissajjar u jitqassam lill-fqar.

Il-majjal il-forn huwa l-platt ewlieni ta’ din l-ikla tematika li se jissajjar fl-attivitá li se ssir fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Ġeneralment l-ikla tibda bil-maħluta li hija xarba li tissimbolizza t-taħlit ta’ ħlewwa u qrusa fil-ħajja tagħna. Se jkun hemm ukoll ħobż mixwi bit-tewm u tursin magħruf bħala l-ftieti tal-għaża, il-kawlata kif ukoll il-ħelu sinonimu ma’ din l-okkażjoni magħruf bħala l-għadam tal-mejtin.

erwieh

Il-parteċipanti se jkomplu jidħlu fl-atmosfera bis-sehem tan-newwieħa. Minbarra li xogħlhom kien li jakkumpanjaw it-tebut fil-funeral, in-newwieħa kienu jmorru wkoll fid-dar tal-mejjet jew mejta u fost affarijiet oħra jaqilbu l-kzazel u l-borom sabiex ma jippermettux li jsir tisjir fid-dar. L-ikel kien ikun provdut mill-ġirien.

Fl-attività fil-Palazz tal-Inkwiżitur se jinqara wkoll xogħol letterarju miktub għall-okkażjoni minn Immanuel Mifsud filwaqt li wara l-attivitá l-parteċipanti jistgħu jqattgħu l-lejl fiċ-ċelel tal-Palazz tal-Inkwiżitur. Dawk li se jorqdu fil-palazz iridu jaħsbu huma għal ‘sleeping bags’ jew lożor u kutri.

L-Għid tal-Erwieħ se ssir bil-Malti u hija adattata għal udjenza matura. L-attività se ssir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru. Il-biljetti jinxtraw mill-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta jew online.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend