Malta bl-ogħla persentaġġ ta’ kumpaniji fl-UE li żiedu l-impjegati – One News

Notifiki

Malta bl-ogħla persentaġġ ta’ kumpaniji fl-UE li żiedu l-impjegati

Minn statistika uffiċjali tal-Eurostat dwar il-karatteristiċi demografiċi tan-negozji fl-Unjoni Ewropea, irriżulta li Malta fl-2014 kellha l-ogħla rata ta’ persentaġġ ta’ kumpaniji klassifikati bħala ‘High–growth enterprise’. Il-Eurostat tagħti din il-klassifikazzjoni lil dawk il-kumpaniji li jkunu jħaddmu mill-anqas 10 persuni, u li jkunu żiedu l-ammont ta’ impjegati mill-anqas b’10% fuq perjodu ta’ 3 snin.

Minn dan l-istħarriġ irriżulta wkoll li dawn il-kumpaniji Maltin esperjenzaw il-ħames l-ogħla żieda fl-Unjoni Ewropeja fl-ammont ta’ żieda fl-impjegati eżistenti, b’17.5%, wara l-Ungerija (17.9%), il-Bulgarija (18.0%), l-Irlanda (19.1%) u r-Renju Unit (19.3%).

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona qal li din l-istatistika tikkonferma kemm iż-żieda qawwija fl-impjiegi ġejja mis-settur privat.

Dawn ix-xejriet fis-settur tal-impjiegi, li kienu osservati f’din l-aktar statistika riċenti tal-Eurostat, komplew għaddejin, tant li sa April ta’ din is-sena n-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 177,751, żieda ta’ 22,339 impjieg full-time sa mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni.

Fi stqarrija, l-Ministeru għall-Ekonomija, investiment u intrapriżi żgħar, fisser kif permezz tal-Budget 2017 il-Gvern se jkompli jkattar ambjent ekonomiku fejn is-settur privat iħossu komdu jinvesti u joħloq aktar opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità; dan se jsir permezz ta’ tisħiħ ta’ inċentivi diġà eżistenti u l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda, kif ukoll b’deċiżjonijiet kuraġġużi bħat-tneħħija ta’ ċertu liċenzji kummerċjali, li se jkompli jiffaċilitaw u jissimplifikaw l-operat tan-negozju, waqt li jtaffu aktar mill-ispejjeż.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend