Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni Neqsin mid-Dawl, b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u Heritage Malta, ittellgħet wirja mmirata għal udjenza ta’ persuni neqsin mid-dawl. Il-wirja tikkonsisti f’mudelli dettaljati tat-tempji li għandna f’pajjiżna u oġġetti relatati, kif ukoll spjegazzjoni tagħhom minn uffiċjali ta’ Heritage Malta. L-ispjega hija wkoll bil-lingwa tal-braille.
Fl-inawgurazzjoni tal-wirja, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li fi ġranet bħal dawn, is-Segretarjat Parlamentari li tmexxi hi se jkun qed iressaq proposti jew proġetti konkreti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni. Hija żiedet li s-Segretarjat qed jikkollabora mal-entitajiet kollha f’pajjiżna biex l-aġenda tal-persuni b’diżabilità tinfirex f’kull aspett tal-ħajja tas-soċjetà tagħna. “L-inklużjoni u l-aċċessibbiltà huma kruċjali, inkluż fil-kultura u fl-istorja ta’ pajjiżna, kif ukoll fit-tgawdija tal-patrimonju nazzjonali li jsawwar l-identità tagħna bħala poplu,” qalet Justyne Caruana.
Hija kompliet tgħid li proprju fil-jum dinji tal-persuni neqsin mid-dawl qed nagħtu opportunità lil dawn il-persuni mhux biss li jisimgħu dwar it-tempji neolitiċi u preistoriċi tagħna, imma jkollhom esperjenza tagħhom. Permezz ta’ din l-esperjenza iktar diretta jkollhom l-opportunità ta’ għarfien u apprezzament kulturali ta’ dawn il-binijiet tant importanti, mhux biss f’pajjiżna imma wkoll fuq livell internazzjonali. “Jekk tassew dawn huma meqjusin bħala wirt dinji, wisq iktar għandhom ikunu għal dawk fostna li huma neqsin mid-dawl imma bid-dritt li japprezzaw u jgħożżu dan il-wirt”, temmet is-Segretarju Parlamentari Caruana.