Tifla ta’ ħames snin mill-Imsida tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fil-Madliena li seħħ fit-15:15.
L-inċident seħħ fi Triq il-Madliena bejn Citroen Berlingo misjuqa minn raġel ta’ 40 sena mis-Sannat u Toyota Starlet misjuqa minn mara ta’ 36 sena mill-Imsida.
Fit-Toyota kien hemm ukoll it-tifla ta’ ħames snin, li tiġi bint is-sewwieqa, u mara oħra ta’ 65 sena minn Ta’ Xbiex. Il-persuni kollha li kienu fit-Toyota ttieħdu l-Isptar Mater Dei.
It-tifla ġiet iċċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li n-nisa ma sofrew l-ebda ġrieħi. Is-sewwieq tas-Citroen ukoll ma sofra l-ebda ġrieħi.