Simon Potter and the Ċu Ċu Train – One News

Notifiki

Simon Potter and the Ċu Ċu Train

Mela ħmistax ilu jekk tiftakru, kont se nipprova nnaddaf il-garaxx, li jinsab żewġ bibien biss ‘l bogħod mill-bieb ta’ Ċensina, dik li toqgħod faċċatta tiegħi, żewġ bibien ‘l isfel. Imma kelli l-intervent tas-soltu mingħand Ċensina, li wkoll sabitni fuq il-misħut mowbajl! Allura llum wara l-ikel, ipprovajt nerġa nidħol għat-tindifa tal-garaxx. U hemm kont, bil-bieb tal-garaxx magħluq (ħalli niffranka li tarani Ċensina hux!) u ħlift li l-mowbajl ‘qas jekk iċempilli Angelina Jolie, ma kont se nirrispondieh. Insomma, nsomma dik ngħidilha “Hello” ħeqq! Niżżilt miegħi mid-dar żewġ tubi minn dawk li jiċċarġjaw bl-elettriku, billi kont qtajt il-provista meta l-kont kien jiġi esaġerat fi żmien il-pee enne. U nsomma biex ma ntawwalx, bħaz-zija ta’ missieri, li biex tgħidlek li ħadet bajda mgħollija, kienet tibda r-rakkont minn meta t-tiġieġa kienet għadha fellus, Alla jaħfrilha u jagħtiha l-glorja tal-ġenna, bdejt ingerfex fl-imbarazz. Anyway.

U ntlift waħdi fid-dawl tat-tubu, qalb l-imbarazz li rnexxieli nġemma tul is-snin.

“Ma nafx x’il-madoffi erfajtha nagħmel din!”, bdejt ngħid bejni u bejn ruħi, jien u naqla l-affarijiet. Lanqas leħqu għaddew għoxrin minuta. Donni smajt karba ġejja mill-bogħod. Ajma Madonna! Waqaft, kif kont, qisu kif jieqaf kelb b’rasu mġebbda u b’widnejh ippuntati ‘l fuq, meta jisma’ ħoss.

Iva ta! Erġajt smajtha ċara daqs il-kristall: Ajma Madonna! Mat-tielet darba li smajtha, neħħejt l-umbrella tal-baħar li kelli f’idi, bil-lasta msadda u nofs id-drapp xejn sew, ftaħt il-bieb tal-garaxx, xrift naqra rasi u erġajt waqqaft widnejja. Iva ta … erġajt smajtha l-karba. Minn naħa tal-lemin… ‘aqq għaċ-ċwieċ! Din Ċensina kienet! Inżilt passejn lejn il-bieb tagħha, rfist l-għatba u waħħalt widnejja mal-antiporta. Issa smajtha aktar ċara: Ajma Madonna!

U l-aħbeċ! Aktar kemm m’inix tajjeb fejn jidħlu dawn l-affarijiet! Għax ommi riditni nieħu karriera fil-mediċina kieku. Sakemm instabatt mal-art mal-ewwel pixxa demm li rajt!

Imma ma stajtx nagħmel mod ieħor. Ftaħt l-antiporta bis-saħħa, dħalt fis-salott u hemm sibt lil Ċensina bil-qiegħda fuq is-sufan, mgħawwġa tnejn, tingħi.

“Ċens!”, għajjatt, jien u niġri lejha, “Ċensina!”

Ċensina daret lejja maħsuda. Naħseb ħsadtha kif qbat u dħalt. Filli kienet b’għajneja magħluqa mgħawġa ganċ tingħi u filli sabet lili ma’ wiċċa ngħajjat!

“Ajma marelli, kif ħsadtni, Ajtjen!”, wieġbet Ċesnina, hi u tipprova tiddritta fuq is-sufan. “U dan kif qbadt u dħalt f’dari, x’kull waħda!”

Issss, ‘aqq għall-bagħla! Minn fuq li dħalt ngħinha għax smajtha tokrob bl-uġiegħ! Dik it-thank you li tieħu e!

“Biex ngħinek, Ċens dħalt. Smajtek tokrob bl-uġiegħ mill-garaxx”.

“U x’uġiegħ, uġieħ, qattus ommok”, weġbitni pronta pronta Ċensina, li issa donna kienet ġiet f’tagħha sew.

“Ċenisna, qed ngħidlek li jien m’inix miġnun ta!”, weġibt qisni kanun tal-kavallieri waqt l-assedju l-kbir, “Żgur li smajtek, daqs kemm jien żgur li qiegħed hawn!”

“U mur kunduttur fuq t-trejn ta’ Sajmin, x’kull waħda, Ajtjen! Veru kont qed inħossni se mmut, ħa ngħidlek, imma bid-daħka li dħakt, x’kull waħda!”

Bqajt ċass inħares lejha. Ridt l-art tinfetaħ u tiblagħni. Għax issa mur oqgħod biha e! L-ewwelnett se jsir jaf kulħadd, min tal-growser sa’ tal-forn u t-tieni, għax għal darb’oħra spiċċajt għand Ċensina meta kelli pjan ieħor! Xitt!

“Ajma dan Sajmin kemm hu ħelu jaħasra, Alla jibgħat seba’ mitt barka fuqu ma jmurx jinbidel! Ma joħroġx b’waħda tajba! Ilum, ajma ġenbi santa ħniena, qasamni bid-daħk! Nixtieq naf fejn ra li qiegħed mal-labour x’kull waħda!”

“X’qiegħed mal-labour, Ċens? Ma fhimtx ta!”

“U int nixtieq naf x’jolqtok kultant, Ajtjen! Mhux għas-servej li ħareġ illum qed ngħid!”

“E! Is-servej”.

“U mela x’hiex!”, wieġbet Ċensina, hi u tiftaħ idejha livell ta’ sidirha, u bis-swaba għamlet forma ta’ wieħed tal-piżelli.

“Mela s-servej jgħid li hemm distakk sew bejn iż-żewġ partiti u li Joseph tagħna l-iktar mexxej fdat, u jiġi Sajmin u jgħid li d-distakk spiċċa għal kollox u li huwa fdat aktar minn Joseph! Ħaħ ħaħ ħaj, Ajma Madonna ġenbi! Ħaħ ħaj … u s-servej sar fix-xahar tagħhom ta! Settembru. Ajma ġenbi x’kull waħda! ”

Ħeqq bħal dawk kollha li rashom fuq għonqhom, ċarratt ħalqi fi tbissima wkoll.

“Jien naf fejn qiegħed id-distakk ta, Ajtjen, imma aħjar inżomm ħalqi magħluq. X’kull waħda wkoll! U se jaqbeż lill-Labour u jirbaħ l-elezzjoni, ta! Ajma ħanina dinja, kif se joqtolni dal-bniedem! Ara vera l-bambin jaf x’inhu jagħmel, tela’ hu kap tal-pee enne u mhux Beppe e! Ilni ma nidħak daħka hekk mindu kont għadni mfarfra u kont nara l-Ċali Ċaplin bil-black en White!”

“Mela ilu ftit Ċens!”

Ħarġet bl-automatic. Mingħajr ma ridt. U eżatt kif ħarġet xtaqt nisparixxi. Kif hemm ħafna jixtiequ jisparixxu lil you know who. Għalaqt għajnejja u stennejt…

“Jaqaw int ukoll għandek distakk bejn moħħok u ħalqek jew? Jaqbillek tagħlaq ħalqek ja buffu li int! Mela qed jiggradwaw il-buffi f’daqqa waħda? Se tipprova ddaħħak int ukoll? Ma taqbżux ta!”

Orrajt, orrajt. Ħaqqni.

“Jew irid trenn! U bħal ta’ Heri Potter ġejja l-biċċa, ittir, minħabba l-art Ow Dee Żet… Biċ-ċuċċu issa wkoll. Naħseb għalhekk ġejjin ta’ Hollywood jiffilmjaw il-merder on the Orjent express, fuq it-trejn ta’ Sajmin, x’kull waħda u x’kull waħda!”

“U le Ċens, x’għandu x’jaqsam!” Ipprovajt nerġa nidħol fil-konversazzjoni.

“Umbgħad nispjegalek sew ta! U din mhux oħra jew? Marelli tal-ħniena hawn tant postijiet fejn jiltaqgħu, fil-kunvent tal-patrijiet f’Tas-Silġ marru jiddiskutu l-politika. Ma xbin xi friża kien hemm qalu. Friża ta’ idejat ta … min jaf kieku mar il-labour f’kunvent tal-patrijiet? Kieku ħoll xagħrek u ġib iż-żejt e! Ara x’kien jinqala tal-paroli kieku! Ara x’kull headline kien ikun hemm fil-gażżetti indipenenti ta’ patatti! U x’kienet tgħid il-gażżetta ta’ Micallef bil-k! Imma ta’ Sajmin ħi jgħaddi kollox, qisu m’hu xejn! Insomma ma naħsibx li bagħtew wisq biex ġabu permess!”

“Naħseb li Zammit Lewis fottihom Ċens”.

“Għax bir-rekord ta’ turisti li hawn ma sabux sala f’lukanda fejn jiltaqgħu hux?”, tbissmet Ċensina.

Ejja, reġgħet ikkalmat!

“Hekk hu!”

“Issa l-baġit ‘kk Alla jrid, Ajtjen. Diġa beda ħiereġ l-għerf ta! Sajmin qed jipproponi affarijiet li diġa qed jagħmel Joseph tagħna! Ara vera, x’naqbad ngħid… m’hemmx distakk minnhom u s-sħab ta! U jiġi l-frustier Agius, jgħid li fil-baġit, il-labour qed jikkopja lil-pee enne! U le, jaħasra! Se jgħalluni, Ajtjen, dak li naf!”

Bqajt inħares lejn Ċensina. Nanalizza l-baraxx li kienet qed titfa’ lejja.

“U ġej jgħid li bil-proposti konkreti li qed jagħmel il-pee enne, se jgħolli l-kwalita’ tal-ħajja tal-anzjani. Uuuu Ġieżu ġież! Issa wara ħamsa u għoxrin sena li ħallewna fl-infern, iridu jgħollu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna! Mela ma jafux li Joseph tagħna ilu jaħseb fina mindu tela’ x’kull waħda! Ara ma niflaħx aktar ta!”

Issa kont bil-qiegħda fuq is-sufan quddiem Ċensina. Qisni tifel tal-iskola qed nisma’ lekċer mingħand professur tal-ħajja. Ifhem, Ċensina għandha esperjenza tal-ħajja. Mdaħħla fiż-żmien u ffissata fil-politika daqs kemm hu ffissat Gavin Gulia fil-Juventus!

“Taf x’naf ingħid Ajtjen. Li dawn dejjem hekk. Kontra Malta mal-barrani, messhom jistħu! Kull ma jagħmel il-gvern tal-labour kollu hażin u tagħhom dejjem tajjeb, huma jistgħu u l-labour ma jistax u dejjem jaqgħu fit-tgħajjir personali, nerġa ngħid messhom jistħu! Imbasta bl-irtiri fil-kunventi mal-partijiet. Aħjar marru jitolbu għal ruħhom!”

Bdejt nagħti b’rasi, nuri li qed naqbel magħha.

“Qishom dak tal-Amerika. Waqa’ fil-baxx jgħajjar il-Clinton li messa qegħdha l-ħabs minħabba ż-żwieġ tagħha, xi ħaġa. X’jismu dak bħalissa … Bramb? Dramp? Framb?”

Infqajt nidħak bil-qalb għal din, tant li ntlewejt fi tnejn. Oħra u kont ninżel għarkuptejja mal-art. “Trump, Ċensina, Trump, Ajma Madonna!”

Ċensina l-ewwel baqgħet tħares lejja, umbgħad faqqet daħka li dwiet mal-kamra. Spiċċat milwija bħali u tgħajjat l-ajjut bħali.

Ġenbi u l-muskoli ta’ ħalqi baqgħu juġgħuni sa’ tard il-Ħadd fil-għaxija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend